Kummerċ Lokali

Paul Bugeja maħtur Kap Eżekuttiv tal-MTA

L-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu ħabbret fi stqarrija li Paul Bugeja inħatar b’mod unanimu mill-Bord tal-MTA bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’.

Paul Bugeja se jkun qed jieħu post Josef Formosa Gauci mis-16 ta’ Settembru li ġej.

Fi stqarrija l-Bord awgura li l-Kap Eżekuttiv il-ġdid ikompli jsaħħaħ l-industrija tat-turiżmu flimkien ma’ kull min hu involut. Il-Bord irringrazzja wkoll lil Josef Formosa Gauci għall-kontribuzzjoni tiegħu lil din l-industrija kif ukoll lill-ekonomija b’mod ġenerali.

F’kumment wara l-ħatra tiegħu, Paul Bugeja rringrazzja lill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, hekk kif Bugeja se jkun qed iħalli l-kariga ta’ President ta’ din l-Assoċjazzjoni.  Hu qal li jħares ‘il quddiem għal dan il-kapitlu ġdid f’ħajjtu u se jkun qed jiddedika l-enerġija u l-esperjenza li kiseb mis-settur privat f’tfittxija għal opportunitajiet ġodda biex is-settur tat-turiżmu jkompli jitjieb.

Min-naħa tiegħu, f’kumment dwar il-ħatra ta’ Paul Bugeja, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li Bugeja ilu attiv fi ħdan l-MHRA għal numru ta’ snin u diġa’ serva bħala membru fil-Bord tad-Diretturi tal-MTA.

Fi stqarrija, l-MHRA qalet li tilqa’ l-aħbar li Paul Bugeja inħatar bħala Kap Eżekuttiv tal-MTA.

Anke’ l-GRTU fi stqarrija laqgħet il-ħatra ta’ Paul Bugeja bħala Kap Eżekuttiv tal-MTA. Il-GRTU qalet li Bugeja iġorr miegħu ħafna esperjenzi fil-qasam tat-turiżmu, inkluż għexieren ta’ snin ta’ esperjenza fis-settur privat. Filwaqt li l-GRTU awgurat kull suċċess f’dan l-irwol ġdid għal Paul Bugeja, irringrazzjat ukoll lil Josef Formosa Gauci li se jkun qed iħalli l-post ta’ Kap Eżekuttiv tal-MTA għad-dedikazzjoni u l-kontribuzzjoni tiegħu lejn is-settur tat-turiżmu.

L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA, ukoll esprimiet sodisfazzjoni għall-ħatra ta’ Paul Bugeja bħala Kap Eżekuttiv tal-MTA. Fi stqarrija, l-GTA qalet li tirrikonoxxi l-fatt li Paul Bugeja huwa bniedem professjonali, b’esperjenza fil-qasam tat-turiżmu.