Pollakk, li ammetta akkużi ta’ attentat ta’ serq, għamel stqarrija xokkanti quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja meta ddeskrieva l-Ħabs bħala bejta għad-droga u istituzzjoni li ma sservix bħala deterrent għall-priġunieri. Januariusz Cholaszczynski, ta’ 53 sena, ammetta li t-Tnejn li għadda, għall-ħabta tas- 7.15pm, ipprova jisraq xi oġġetti minn kamra ta’ lukanda wara li xi turisti nesew il-bieb miftuħ. Madankollu, hu ma rnexxielux jagħmel dan minħabba li l-istess turisti qabduh.
F’Marzu, il-Pollakk kien tressaq il-Qorti u nżamm taħt arrest preventiv fuq akkużi oħrajn ta’ serq wara li kien wieġeb mhux ħati. Aktar tard, hu kien ingħata sentenza sospiża wara li kien instab ħati mill-Qorti. Waqt li kien fl-iżbarra fil-Qorti tal-Maġistrati, il-Pollakk, li ma ried lil ħadd jiddefendih, qal li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma sservi tal-ebda deterrent u jekk imur il-Ħabs ma kien se jesperjenza l-ebda bidla.
“Il-Ħabs hu mimli b’madwar 700 priġunier, li 90% minnhom huma persuni li jabbużaw mid-droga u hemm ġew tista’ ssib minn kollox. Il-Ħabs mhu tal-ebda deterrent għall-ebda priġunier u jien mhux se nesperjenza xi bidla għall-aħjar fil-Ħabs”, qal il-Pollakk. Filwaqt li talab bil-ħniena lill-Qorti biex ma jintbagħatx il-Ħabs, ir-raġel Pollakk informa wkoll lill-Qorti li ma jista’ jitkellem ma’ ħadd fil-Ħabs, filwaqt li qabbel il-Ħabs ma’ guest house fejn il-priġunieri jiġu servuti menu b’għażla ta’ ikel.
Cholaszczynski, li jitkellem ukoll bit-Taljan, qal lill-Qorti li l-aħjar kastig li jista’ jingħata hu li jiġi deportat lejn l-Italja. Din it-talba iżda kienet miċħuda mill-Qorti, li argumentat li minħabba l-Liġijiet tal-Unjoni Ewropea, l-akkużat ma jistax jintbagħat lura l-Italja. Barra minhekk, il-Qorti nsistiet li ma tistax tikkundanna lill-akkużat sentenza oħra ta’ Ħabs. Għaldaqstant, il-Qorti deherilha li għandha tagħti s-sentenza l-Erbgħa li ġej. L-Ispettur Jonathan Ransley mexxa l-Prosekuzjoni.
Il-Gvern għandu jwieġeb dwar l-allegazzjoni li l-ħabs huwa “dar tad-droga” – il-PN
Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista qal li d-dikjarazzjoni ta’ Cholaszczynski fil-Qorti li “il-ħabs sar qisu dar tad-droga” hi inkwetanti ferm. F’dan id-dawl, il-PN qed jappella lill-Ministru Manwel Mallia biex jagħti spjegazzjoni u jgħid jekk hux veru jew le li “90% tal-priġunieri qed jabbużaw mid-droga”.
Il-PN qal li hu inkwetanti ferm li jsiru dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet meta l-Ministru Mallia f’Settembru li għadda kien qal li jrid jeqred id-droga darba għal dejjem mill-Ħabs. Jidher biċ-ċar, skont dak li ntqal fil-Qorti, li d-droga fil-Ħabs mhux talli ma nqerditx, iżda talli dejjem qed tiżdied. L-istqarrija ssostni li l-PN jemmen li l-Faċilità Korretiva ta’ Kordin għandha tkun tassew post fejn wieħed jirrijabilita u jitrawwem, biex ladarba priġunier joħroġ mill-Ħabs ikun jista’ jintegra ruħu fis-soċjetà.
Il-Gvern jordna testijiet tal-urina fuq il-priġunieri kollha b’reazzjoni għat-talba tal-Oppożizzjoni
Wara l-istqarrija tal-Oppożizzjoni, il-Ministeru ta’ Manwel Mallia kkonferma fi stqarrija li ordna testijiet tal-urina fuq il-priġunieri kollha, nisa u rġiel, fil-Ħabs ta’ Kordin. B’hekk ikun stabbilit li mhux qed jabbużaw mid-droga. Il-Ministeru qal ukoll li bagħat għar-raġel Pollakk biex jagħtih aktar dettalji dwar dak li qal fil-Qorti.
Min-naħa tiegħu, f’kummenti b’reazzjoni, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi qal li minkejja li l-Ministru Manwel Mallia kien ilu jiftaħar li żdiedu t-testijiet tal-urina fil-Ħabs biex tinqered id-droga, issa dawn it-testijiet qed isiru biss b’reazzjoni għat-talba tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>

