Il-Partit Laburista ġie elett fil-Gvern bil-wegħda li jkun Gvern li jisma’. Madankollu, jekk qed jisma’, jidher li ftit li xejn qed jagħti każ. Hekk jidher li qed jiġri fil-każ tar-residenti ta’ Wied il-Għajn, li ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat jilmentaw mal-Prim Ministru, mal-Ministru Leo Brincat u anke mal-ogħla uffiċjali tal-Wasteserv dwar irwejjaħ qawwijin li qed joħorġu kontinwament u b’mod kostanti mill-Impjant ta’ Sant’Antnin.
Korrispondenza b’sensiela twila ta’ emails li waslet għand MaltaRightNow.com (ara fuq) turi kif numru ta’ residenti ilhom regolarment jiktbu biex jesprimu l-għadab għas-sitwazzjoni insopportabbli li teżisti. Dawn qed jgħidu li bl-irwejjaħ li qed ikun hemm, mhux qed ikun possibbli għalihom li jħallu t-twieqi tad-djar tagħhom miftuħin fix-xhur sħan tas-Sajf, bl-irwejjaħ qed jippersistu f’kull ħin tal-ġurnata u anke bil-lejl.
Fost persuni oħrajn, fil-korrispondenza kienu kkupjati l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat u l-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Tonio Montebello, li nħatar fil-kariga f’Diċembru 2013. Ir-residenti qed jagħmlu l-akkuża li l-Impjant qed jitmexxa b’mod dilettantesk u huma ma jistgħux jibqgħu jgħixu fis-sitwazzjoni li qed jgħixu fiha llum. Huma staqsew jekk jistgħux jingħataw garanzija li l-gassijiet li qed jiġġeneraw din ir-riħa qawwija mhux qed jagħmlu ħsara lir-residenti u lil min ikun fil-madwar.
Ir-residenti ġibdu wkoll l-attenzjoni li anke l-Park tal-Familja qed jaqla’ daqqa ta’ ħarta b’din is-sitwazzjoni, hekk kif f’diversi ħinijiet qed jinnutaw lill-familji bit-tfal jitilqu mill-Park għax ma jkunux jistgħu jissaportu l-irwejjaħ. Fil-viċinanzi hemm ukoll il-Park tal-Inspire, li joffri servizzi għall-persuni bi bżonnijiet speċjali. Iżda minkejja dan l-għadd kbir ta’ messaġġi u talbiet għall-għajnuna, ħadd minn dawk indirizzati ma wieġeb il-karbiet tar-residenti.
L-uniċi żewġ tweġibiet qosra kienu dawk ta’ Tonio Montebello, li f’waħda mill-emails wieġeb lir-residenti li qabbad nies iduru ż-żona u jirrapportaw l-irwejjaħ li jkun sabu. F’email qasira oħra, qalilhom biss li qed jitnaddaf tank u għalhekk hemm dawk l-irwejjaħ kollha. Ir-residenti kienu pronti staqsewh jekk dan il-proċess damx għaddej il-jiem u l-ġimgħat minħabba li s-sitwazzjoni għadha l-istess, iżda għal dawn il-mistoqsijiet, ir-residenti reġgħu baqgħu bla tweġiba minghand Montebello, Muscat jew Leo Brincat.
Ir-residenti qed jagħmlu wkoll pressjoni mal-Gvern u l-Wasteserv biex jerġgħu jiġu nstallati monitoring stations fiż-żona biex ikunu jistgħu jidentifikaw fejn hemm l-akbar ammont ta’ gassijiet, bit-tama li tittieħed azzjoni. Fil-korrispondenza tagħhom, ir-residenti stess irrikonoxxew li hekk kien isir fis-snin li għaddew meta nfetaħ l-Impjant b’investiment ta’ €27 miljun b’aktar minn nofshom f’fondi Ewropej. L-Impjant innifsu hu mgħammar b’sistemi li jikkontrollaw l-irwejjaħ li joħorġu minnu, ħafna drabi kkaġunati mid-dekompożizzjoni tal-iskart.
Dan ingħata prijorità assoluta fid-disinn u għalhekk wieħed jista’ jikkonkludi li dak li qed jiġri bħalissa hu riżultat tal-fatt li dawn is-sistemi mhux qed jiġu mmaniġġjati kif suppost, kif ukoll li l-Impjant mhux qed jiġi mħaddem skont il-kriterji stabbiliti. Qed tqum ukoll il-mistoqsija dwar x’sar minn dak li kien magħruf bhala l-Odour Panel, li kien twaqqaf bħala miżura addizjonali u bħala kundizzjoni imposta fuq il-Wasteserv mal-ħruġ tal-permess mill-MEPA, biex jiltaqa’ regolarment propju biex jirrapporta u jissorvelja l-irwejjaħ.
Jidher li dan il-grupp ta’ esperti, li jinkludi wkoll fih residenti tal-inħawi, ilu żmien twil ma jiltaqa’.
//= $special ?>