“Nixtieq lil uliedi lura, ma noqgħodx mingħajrhom”. Dan hu l-appell imqanqal ta’ Sabrina Albrecht, f’intervista ma’ dan l-istazzjon gheluq ix-xahar wara li ż-żewġ uliedha.
Kien propju fis-6 ta’ Lulju li social workers Ġermaniżi ħadu ż-żewġ subien mir-Residenza tal-Appogg li kienu fiha, bl-iskuża li se jieħduhom ġurnata baħar. Iżda fir-realta’ huma “tħarrbu” lejn il-Ġermanja mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan wara li Qorti Ġermaniża qatgħetha li t-tfal setgħu jinġiebu lura lejn il-Ġermanja. L-Aġenzija Appoġġ saret taf li t-tfal inħarġu minn Malta fis-7 ta’ Lulju u kellhom jgħaddu jumejn, preċiżament fid-9 ta’ Lulju, biex l-Aġenzija tinforma lil Sabrina Albrecht. Sabrina Albrecht tirrakkonta dawk il-mumenti meta kienet infurmata li Jeremias u Jayden m’ghadhomx Malta.
“Hekk kif qaluli li uliedi ttieħdu l-Ġermanja ma stajtx nieqaf nibki. Ma stajtx nifhem kif setgħu jagħmlu dan l-iżball. Huma kienu fil-kustodja tal-Aġenzija Appoġġ u kont naħseb li ħadd ma seta’ joħroġhom minn Malta”
“Għadda xahar u għad m’għandix aħbarhom. Ma nafx fejn qegħdin, ma kelli l-ebda kuntatt magħhom. Lanqas naf jekk għadhomx flimkien jew firduhomx,” sostniet Albrecht, viżibilment emozzjonata.
Sabrina Albrecht qalet li l-azzjoni legali bdiet mill-Uffiċċju għall-Ħarsien taż-Żagħżagħ fil-Ġermanja, li jagħmel ix-xogħol ekwivalenti tal-Appoġġ f’ Malta. Staqsejna lil Sabrina Albrecht jekk it-talba saritx minn missier it-tfal. Hi spjegat li Jeremias u Jayden huma wlied minn żewġ missirijiet differenti. “Wieħed ma jistax jieħu ħsieb it-tifel għaliex f’ Jannar 2012 kien involut f’inċident serju tat-traffiku li ħallieh paralizzat filwaqt li l-missier l-ieħor qatt ma kellu interess f’ibnu”
Mistoqsija jekk kienx hemm xi kuntatti fuq livell diplomatiku mal-Ambaxxata Ġermaniża f’Malta jew il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, Albrecht wieġbet fin-negattiv. Hi qalet li kitbet u bagħtet email lill-Uffiċċju taż-Żagħżagħ iżda tħalliet kompletament fid-dlam.
Fl-isfond tal-istorja umana ta’ omm li spiċċat mifruda minn uliedha, hemm ramifikazzjonijiet legali f’ġurisdizzjonijiet differenti ta’ żewġ pajjiżi.
Din il-ġrajja taf il-bidu tagħha fid-18 ta’ Ġunju li għadda meta l-pulizija kienet infurmata li nstab tfajjel ta’ 4 snin waħdu f’għalqa f’Marsalforn. Dan it-tfajjel hu Jeremias. L-għada, ommu Sabrina Albrecht, tressqet quddiem il-Qorti ta’ Għawdex akkużata b’abbandun tal-ulied. Sakemm jinqata’ l-każ, il-Qorti kienet ordnat li Jeremias u ħuh Jayden ta’ sentejn jinżammu taħt il-kura tal-Aġenzija Appoġġ.
Ġimgħatejn wara, possibilment wara li saru jafu li Albrecht u wliedha jinsabu Malta permezz ta’ dan il-każ fil-Qorti, waslu pajjiżna żewġ social workers Ġermaniżi bir-riżultat li fis-6 ta’ Lulju, Jeremias u Jayden “tħarrbu” lejn il-Ġermanja.
L-Avukat ta’ Sabrina Albrecht, Jean Paul Grech spjega li bħalissa l-azzjonijiet legali li qed isegwi għan-nom ta’ Sabrina Albrecht huma tlieta; l-ewwelnett hemm talba lid-Direttur tas-Social Welfare Standards skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague kontra l-ħtif ta’ persuni sabiex it-tfal Jeremias u Jayden ikunu ritornati Malta biex jingħaqdu ma’ ommhom.
L-Avukat Grech ressaq ukoll talba biex tinfetaħ inkjesta bil-maġistrat sabiex ikun stabbilit eżattament x’ġara u kif żewġt itfal setgħu joħorġu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mingħajr dokumenti.
It-tielet rikors hu sabiex Sabrina Albrecht ikollha l-opportunita’ li tagħmel kuntatt ma’ uliedha. Peress li ma tistax tħalli l-pajjiż minħabba l-każ pendenti kontriha ta’ Ġunju li għadda, l-Avukat Grech talab sabiex Albrecht tingħata l-opportunita’ li tagħmel kuntatt ma’ Jeremias u Jayden permezz ta’ Skype.
//= $special ?>