L-ISTATI UNITI: L-Istati Uniti għandha tgħin lill-pajjiżi Afrikani biex iwaqqfu qawwa fuq bażi ta’ rapid response biex tappoġġja l-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana (UA). Dan qalu l-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, waqt li kien qed jikkonkludi summit mar-rappreżentanti ta’ ħamsin pajjiż Afrikan, f’Washington.
Obama spjega li l-entita tista’ tintbagħat f’qasir żmien biex issaħħaħ l-iskop tal-missjonijiet urġenti fid-diversi bnadi tal-kontinent Afrikan. Intant, l-Istati Uniti se ’tissieħeb mas-sitt Stati Afrikani li urew diġa x’isarrfu bħala qawwiet responsabbli mill-paċi’.
Il-pjan jaħseb biex pajjiżi ”il hinn mill-Afrika’ jissieħbu wkoll fl-inizjattiva għaliex id-dinja kollha għandha interess kbir li tkattar il-paċi u l-istabbilta fil-kontinent partikolari.
Barack Obama qal li s-sitt pajjiżi involuti mal-qawwa tar-rapid response se jkunu l-Etjopja, il-Ghana, ir-Rwanda, is-Senegal, it-Tanżanija u l-Uganda.
Sadanittant, stqarrija li ħarġet mill-White House rigward dan l-impenn sostniet li l-Istati Uniti għandha tonfoq mal-110 miljun dollaru, fuq tlieta sa ħames snin, biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ din il-qawwa ġdida.
Min-naħa tagħhom, il-pajjiżi Afrikani ‘sieħba’ iridu jikkommettu ruħhom biex il-qawwiet u t-tagħmir neċessarju ikunu lesti fuq standby biex jieħdu posthom malajr fiz-zoni tal-kriżi. L-istess pajjiżi anki huma fid-dmir li jenfasizzaw l-intenzjoni li jistazzjonaw il-qawwiet bħala parti minn missjoni tan-NU inkella tal-UA.
Fl-istess ħin, Obama ma speċifikax il-funzjoni tal-hekk-imsejħa rapid response force fir-rigward tal-missjonijiet eżistenti tal-Unjoni Afrikana.
L-Etjopja u r-Rwanda it-tnejn ħadu interess attiv fil-konflitti li żbruffaw s’issa fir-reġjuni tagħhom, għalkemm l-Istati Uniti kkritikat lil dawn iż-żewġ pajjiżi Afrikani rigward ir-rekord tagħhom b’rispett għad-drittijiet umani.
//= $special ?>

