Lokali Qorti

Sentejn u nofs ħabs għal raġel li mporta għasafar tal-għana u frieken protetti

Raġel li pprova jdaħħal f’Malta mijiet ta’ għasafar tal-għana u frieken li lkoll huma protetti bil-liġi, b’mod illegali ġie kundannat sentejn u nofs ħabs mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera. Publius Zammit tal-47 sena mill-Msida flimkien ma’ raġel ieħor kien spiċċaw arrestati wara ġirja sħiħa mill-membri tal-Forzi Armati minn fuq il-baħar  u mill-Pulizija minn fuq l-art.

Mill-provi rriżulta kif il-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta kienet daħlitilhom informazzjoni dwar operazzjoni llegali li kellha ssir fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Marzu tas-sena 2004. “Patrol Boat” tal-Forzi Armati kienet interċettat “power boat” bejn Malta u Għawdex u minkejja li din għalitilha s-sinjal biex tieqaf, il-“power boat” –Little Child ħarbet b’kemm timxi.

Il-“powerboat” kienet osseravara f’Xatt l-Aħmar. Il-“Patrol Boat” tal-Armata ma setgħetx tlaħħaq mal-veloċita’ tal-“power boat”. Minkejja li għat-tieni darba permezz ta’ messaġġ il-“power boat” kienet ordnata biex tieqaf, din xorta baqgħet sejra. Permezz tar-radar il-membri tal-Forzi Armati kienu nfurmati li l-“power boat” marret il-Ġnejna u marru warajha fejn anke kienu sparati 10 tiri ta’ twissija – imma iż-żewġt irġiel baqgħu jinjoraw it-twissijiet.

Finalment l-irġiel kienu arrestati, b’wieħed minnhom ikollu bżonn jittieħed l-isptar wara li kien intlaqat. Zammit iżda kien baqa’ jiġri, iżda wara li kienu sparati erba’ tiri oħra huwa ċeda. Aktar tard is-suldati kienu sabu xi rix fuq il-“Little Child” u li dawn kienu kompatibbli ma’ għasafar li nstabu.

F’Xatt l-Aħmar l-awtoritajiet sabu 180 kaxxa, gaġġeġ u krietel ippakkjati b’426 verdun, 72 “ninnets” żewġ tipi ta’ kuċċard u 168 fekruna. Dawn kollha kien inxtraw mit-Tuneżija. Il-Qorti ma qagħdietx fuq dak li qal Zammit, li hu u sieħbu ħarbu lill-“patrol boat” tal-armata għax ma kienux għarfuha u li kienu sabu xkora bl-affarijiet tal-għasafar fil-baħar.

Zammit instab ħati li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, importazzjoni ta’ għasafar protetti u akkużi oħrajn relatati. Fid-dawl tal-kondotta tiegħu, fejn huwa kellu xejn anqas minn 18-il sentenza li fihom instab ħati Zammit mar sentejn u nofs ħabs. L-Ispettur Michael Mallia mexxa l-Prosekuzzjoni bil-Qorti tordna li tiġi konfiskata l-“power boat”.