Deċiżjonijiet arroganti u indħil politiku qed ikunu l-ordni tal-ġurnata f’numru ta’ sezzjonijiet differenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru Manwel Mallia.
Fost oħrajn, nistghu nizvelaw li dawn wasslu għal riżenja oħra u aktar diżgwid fis-Servizz tas-Sigurtà, hekk kif fil-jiem li għaddew irriżenjat ukoll persuna oħra li reġgħet iddaħħlet fid-Dipartiment wara r-rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Informazzjoni li għandu dan l-istazzjon tgħid li issa kien imiss li jirriżenja d-Deputat Kap tas-Servizzi Sigrieti Mark Galea. L-informazzjoni li għandna tgħid li Galea ma ħassux komdu fit-tieni l-ogħla kariga tas-Servizz tas-Sigurta’ minħabba n-nuqqas ta’ professjonalità li biha qed jitmexxa s-Servizz mill-Kap tieghu Michael Cassar, bid-Dipartiment ġie prattikament qisu Każin Laburista.
Il-problemi għal Galea komplew jiżdiedu għax meta pprova jiġbed l-attenzjoni tal-Ministeru mmexxi minn Manwel Mallia, iċ-Chief of Staff Silvio Scerri qabeż għal Cassar. Dan wassal lil Galea jsaħħaħ it-teorija tiegħu, speċjalment wara l-indħil żejjed minn Scerri.
Mark Galea, li hu Maġġur fl-Armata, kien irriżenja mis-Servizz tas-Sigurta’ fl-2010. Madankollu, ftit wara r-rebħa elettorali Laburista f’Marzu 2013, Uffiċjali mill-Ministeru ta’ Manwel Mallia bagħtu għalih biex ikun jista’ jerġa’ jiddaħħal fis-Servizz.
Malli ġie introdott mill-ġdid hu ngħata l-kariga ta’ Deputat Kap, sakemm irriżenja fil-jiem li għaddew.
Sadanittant, sitwazzjoni simili wasslet ukoll biex anke l-Kap tas-Servizzi ta’ Detenzjoni Mario Schembri tefa’ r-riżenja tiegħu minn din il-kariga. Informazzjoni li għandu dan l-istazzjon tgħid li kellha tkun laqgħa li ssejħet b’urġenza fil-bini tal-Ministeru li possibilment wasslet lil Schembri biex ibiddel id-decizjoni u probabbli jibqa’ fil-kariga.
Jirriżulta li Mario Schembri tefa’ r-riżenja tiegħu t-Tlieta, iżda l-Ministru Mallia ma riedx jaċċettaha. Għaldaqstant, issejħet laqgħa urġenti bit-tama li tinstab it-triq tan-nofs. Sorsi mill-Ministeru ta’ Mallia qalu li r-raġuni ewlenija wara din ir-riżenja kienet l-indħil politiku miċ-Chief of Staff Silvio Scerri.
L-istess sorsi spjegaw ukoll li madwar 40 uffiċjal fid-Dipartiment għandhom l-arja tal-Ministru u għalhekk, bħala Direttur, Schembri spiċċa qisu kelb bla snien u jdejh marbutin.
//= $special ?>

