IR-RUSSJA: L-awtoritajiet f’Moska qed jipprojbixxu l-importazzjoni tal-frott u l-ħaxix mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bħala ritaljazzjoni għall-aħħar sanzjonijiet ekonomiċi li kienu imposti fuq ir-Russja min-naħa tal-Punent.
L-UE u l-Istati Uniti, jiem ilu, kienu ħarġu s-sanzjonijiet ġodda kontra r-Russja li hi akkużata b’li qed tixpruna l-vjolenza fl-Ukrajna tal-Lvant.
Intant, Moska issa wieġbet għal dan il-pass, u fejn qed tipprojbixxi l-ikel anki mill-Istati Uniti. Id-digriet tar-Russja iħeġġeġ biex l-Uffiċjali tal-Gvern iressqu lista ta’ prodotti agrikoli u elementi ta’ materja prima li għandhom ikunu suġġetti għal projbizzjoni li tibqa’ effettiva għal tnax il-xahar.
Id-digriet Russu ma jsemmix prodotti speċifiċi u lanqas ma jirreferi għall-pajjiżi li jinkwadraw fis-sanzjonijiet ta’ Moska.
Sadanittant, membri tal-VPSS – is-servizz li jissorvelja s-sigurta tal-ikel fir-Russja – kienu kkwotati fis-sens li l-frott u l-ħaxix li jipproduċu l-pajjiżi tal-UE li qed jappoġġjaw is-sanzjonijiet kontra Moska kellhom jitpoġġew fuq ‘il-lista s-sewda’.
Mifhum li l-Belġju, l-Bulgarija, Ċipru, r-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Fillandja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, l-Olanda, is-Slovakkja u Spanja jistgħu jkunu fuq din il-lista tar-Russi.
L-aħħar projbizzjoni tolqot ukoll il-prodotti importati mill-Istati Uniti, u, possibbilment, mill-Kanada u l-Awstralja.
Il-Polonja, ix-xahar li għadda, kienet suġġetta għas-sanzjonijiet tar-Russja li ħabbret li ma kenitx se timporta aktar tuffieħ, lanġas, ċirasa u varjeta ta’ frott ieħor minn dan il-pajjiż. Is-sanzjonijiet kienu japplikaw ukoll għal varjeta ta’ kaboċċi, bil-Gvern Russu jsostni li l-miżuri li ħa kienu dovuti għal ‘raġunijiet sanitarji u tas-saħħa’.


