Qorti

Żewġ “bouncers” mixlijin li ħebbew għal erba’ barranin

Żewġ “bouncers” żagħażagħ li kienu fuq xogħol f’Paceville kienu mixlijin li ħebbew għal erba’ barranin u li kkaġunaw ferita ħafifa lil wieħed minnhom. Robert Azzopardi ta’ 20 sena minn San Pawl il-Baħar u Clifford Bugeja ta’ 18-il sena minn Birżebbuġa ġew mixlijin li nhar l-Erbgħa lo għaddew, f’xi ħin bejn in-nofsiegħa u s-1.30 a.m., ħebbew għal Brahim Benatsou, Rafik Beztout, Kashama Anne Elder u Louise Weddell.

Huma kienu mixlijin ukoll li kkaġunaw ferita ħafifa fuq Benatsou u li ma kellhomx liċenzja biex jagħmlu xogħol ta’ bouncers. Benatsou u Beztout huma Franċiżi u ta’ dixxendenza Alġerina filwaqt Elder u Weddell huma Skoċċiżi.
Peress li kellhom jitilqu minn Malta, l-erba’  barranin xedhdu b’urġenza quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-inċident li allegatament seħħ fil-Havana Club f’Paċeville.

L-inċident seħħ wara li żewġ barranin oħra riedu jiżfnu maż-żewġ tfajliet Skoċċiżi u wieħed minnhom spiċċa jargumenta ma’ Benatsou, u kien hawn li intervjenew numru ta’ ‘bouncers’.

Skont Weddell, kienu tmien “bouncers” li attakkaw lil Benatsou u identifikat lil Bugeja bħala dak li tah daqqa ta’ ponn f’għajnu. Benatsou xehed li wieħed mill-bouncers qabdu minn għonqu u ieħor minn idu u minbarra lil Azzopardi bħala wieħed minn dawk li ħebb għalih semma wkoll “bouncer” ieħor li skont hu kellu daqna żgħira.

Fix-xhieda tiegħu Beztout qal li Azzopardi għamel idu m’għonqu u ta daqqa ta’ ponn lil sieħbu waqt li lil Bugeja ma rahx jagħti lil sieħbu imma ġibdu. Min-naħa tagħha, Elder qalet li rat lil Azzopardi jżomm lil Beztout minn għonqu imma lil Bugeja ma ratux involut fl-inċident.

Xehed ukoll is-Surġent Jonathan Cassar li kien mibgħut fuq il-post fejn huwa qal li ordna lil tmien “bouncers” biex joħorġu mill-istabbiliment u staqsa lill-erba’ żgħażagż jekk jagħrfux lil min allegatament ħebb għalihom.

Skont hu, Benatsou, Beztout u Weddell identifikaw lil Bugeja mentri Elder semmiet lil Azzopardi. Sakemm il-każ ikompli jinstema’, l-“bouncers” ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €1,000 kull wieħed.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef filwaqt li l-Avukati Josette Sultana u Anne Marie Mangion deheru għall-akkużati.