L-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jispeċifika l-pjani li għandu għall-persuni b’diżabbiltà u jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa li s’issa għad mhux qed jittieħdu. Dan l-appell għamlu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol u l-Persuni b’Diżabbiltà Stephen Spiteri f’laqgħa maċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) Oliver Scicluna.
Stephen Spiteri qal li l-KNPD żviluppat fi strument importanti ħafna u regolatur fis-settur. Qal li l-Kummissjoni bħalissa qed tbati minħabba li minn Frar għadu ma kienx appuntat id-Direttur Eżekuttiv, rwol li hu fundamentali għall-operat tagħha. Ma’ dan qabel ukoll iċ-Chairman tal-ġdid tal-KNPD Oliver Scicluna, li spjega li hu qed ikollu jassumi dan ir-rwol ukoll minħabba li l-Gvern għadu ma appuntax persuna fil-kariga.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni tkellem dwar l-Emenda Kostituzzjonali li tressqet mill-Oppożizzjoni, li għandha l-iskop li telimina kull diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabbiltà. Qal li l-pjan hu li din titressaq biex tkun implimentata meta jerġa’ jiftaħ il-parlament f’Ottubru. Stephen Spiteri qal li l-aħħar 18-il xahar urew nuqqas ta’ direzzjoni mill-Gvern fis-settur tal-persuni b’diżabbiltà.
Proposta oħra li għandha ssir ħidma fuqha hi dwar il-futur tal-persuni b’diżabbiltà meta jispiċċaw weħidhom. Il-Gvern Nazzjonalista kellu pjan dwar dan, fejn kien anke qed jipproponi li l-Gvern jidħol f’kuntratt ma’ kull individwu biex dan ikollu garanziji li jibqa’ jkun ipprovdut bl-aqwa servizzi meta jispiċċa waħdu.
Suġġett ieħor trattat fil-laqgħa mal-KNPD kien dak tar-residenzi fil-komunità għall-persuni b’diżabbiltà u anke l-Guardianship Act. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li minkejja li dan l-Att għadda fl-2012, il-Liġi għadha mhix implimentata. L-iskop wara dan l-Att kien biex persuni b’diżabbiltà intellettwali jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dwar dan l-Att, iċ-Chairman tal-KNPD esprima qbil mal-importanza li jkun implimentat u appella biex il-Gvern jappunta l-Bord u l-Liġi tidħol fis-seħħ. Dan għaliex it-tħassib dwar dan is-settur hi weġgħa f’qalb kull persuna b’diżabbiltà. Oliver Scicluna qal li fl-aħħar 25 sena saru bidliet u titjib kbar fis-settur tal-persuni b’diżabbiltà u f’dan it-titjib il-KNPD kellha rwol fundmanetali.
//= $special ?>

