Edukazzjoni Lokali

7 membri ta’ ELSA Malta jattendu 4 programmi akkademiċi f’4 pajjiżi

Seba’ membri ta’ ELSA Malta bħalissa qed jattendu erba’ korsijiet f’erba’ pajjiżi differenti fl-Ewropa bħala parti minn programm akkademiku matul is-sajf f’oqsma differenti tal-liġi imħejji mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istudenti tal-Liġi (ELSA).

Kull sena, numru ta’ gruppi ta’ ELSA fil-pajjiżi differenti tal-Ewropa, jorganizzaw numru ta’ programmi akkademiċi matul is-sajf bil-għan li l-istudenti tal-liġi jkunu jistgħu jiksbu għarfien legali u esperjenzI prattiċi f’oqsma speċifiċi tal-liġi.

Din is-sena, seba’ membri ta’ ELSA Malta qed jattendu dawn il-programmi akkademiċi marbuta mal-oqsma tal-liġi dwar il-kumpaniji u l-finanzjament tal-kumpaniji, il-liġi dwar il-kompetizzjoni, il-liġi internazzjonali u l-liġi dwar l-enerġija. Dawn il-programmi qed isiru f’Dublin (l-Irlanda), fi Vjenna (l-Awstrija), f’San Sebastian (Spanja) u Brasov (ir-Rumanija) rispettivament.

Fl-aħħar ftit snin, għexieren ta’ studenti lokali tal-liġi ħadu vantaġġ min-netwerk internazzjonali li ELSA Malta tagħmel parti minnha; netwerk ta’ aktar minn 200 fakulta tal-liġi f’35 pajjiż fl-Ewropa.