Futbol Sport

Għada l-finali tal-Community Shield

Għada fl-4pm f’Wembley Stadium tintlagħab il-finali tal-Community Shield bejn iċ-champions tal-Ingilterra Manchester City u r-rebbieħa tal-FA Cup, Arsenal. Din il-partita hi l-ewwel waħda tal-istaġun 2014-15 u fiha mistennija jilagħbu diversi akkwisti taż-żewġ timijiet. Ta min jiftakar li fil-passat din it-tazza kienet tissejjaħ bħala ċ-Charity Shield.

Sentejn ilu Man City rebħu din it-tazza f’Villa Park fil-finali kontra Chelsea filwaqt li l-aħħar darba li l-Gunners lagħbu fil-finali tal-Community Shield kien fl-2005. It-tim ta’ Manuel Pellegrini staġun ilu għeleb l-isfida ta’ Liverpool biex rebaħ il-kampjonat filwaqt li Arsenal kellhom bżonn il-ħin barrani biex għelbu lil Hull City 3-2. Dan kien l-ewwel unur li rebħu Arsenal f’dawn l-aħħar disa’ snin u issa jittamaw li jkomplu minn fejn ħallew f’Mejju li għadda. Is-Citizens se jkunu qed jippruvaw jirbħu dan it-titlu għall-ħames darba fl-istorja tagħhom filwaqt li t-tim ta’ Arsene Wenger se jipprova jimira għar-rebħ tat-13-il Community Shield fl-istorja tagħhom.

F’kummenti li ta l-kowċ ta’ Man City jumjen qabel il-logħba Pellegrini qal, “Din mhux se tkun partita ta’ ħbiberija. Din logħba importanti kontra tim diffiċli. Hu minnu li kemm aħna kif ukoll Arsenal għadna m’aħniex fl-aqwa forma tagħna għax għandna plejers li għadhom ġejjin mit-Tazza tad-Dinja imma żgur li t-tnejn li aħna se nagħmlu minn kollox biex nirbħu l-ewwel unur tal-istaġun.”
L-istess Pellegrini żvela li l-eks midfielder ta’ Chelsea, Frank Lampard, li iffirma ma’ City għas-sitt xhur li ġejjin u l-akkwist il-ġdid Bacary Sagna, eks plejer ta’ Arsenal, mhux se jilagħbu.

Martin Demichelis, Vincent Kompany, Pablo Zabaleta, Fernandinho u Sergioż Aguero, plejers li ħadu sehem fit-Tazza tad-Dinja jidher li mhux se jilagħbu għax ilhom ftit jiem mat-tim. Minn naħa tagħhom Arsenal wkoll għamlu diversi akkwisti fosthom Alexis Sanchez. Hu mifhum li t-tim li se jilgħab kontra City hu t-tim li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tilef 1-0 kontra Monaco. Wara l-logħba ta’ llum, Arsenal jibdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat bil-logħba kontra Crystal Palace filwaqt li City jibdew kontra Newcastle Utd.