Futbol Sport

Il-Ġermanja tikkunsidra li tirtira l-kandidatura

Rapporti fil-ġurnali Ingliżi qed jgħidu li l-Ġermanja qed tikkunsidra li tirtira l-kandidatura tagħha biex torganizza s-semifinali u l-finali tal-Kampjonati Ewropej tal-2020. Mill-2020 il-Kampjonati Ewropej se jibdew isiru fi 13-il-pajjiż madwar l-Ewropa u jidher li l-Ġermanja issa se titfa’ kandidatura biex torganizza biss partiti tal-fażi tal-gruppi. Dan ifisser li l-Ingilterra għandha ċans akbar li torganizza s-semifinali jew il-finali f’Wembley.

S’issa kienu biss il-bliet ta’ Munich u ta’ Londra li tefgħu l-kandidatura tagħhom biex jorganizzaw il-partiti tas-semifinali u l-finali. Il-UEFA se tiddeċiedi min se jorganizza l-logħob tal-Euro 2020 fid-19 ta’ Settembru li ġej. S’issa 19-il belt madwar l-Ewropa tefgħu kandidatura biex jorganizzaw il-logħob mill-fażi tal-gruppi. Fost dawn hemm bliet bħal ma huma Glasgow, Cardiff jew Dublin. Hu mifhum li l-Ġermanja se titfa’ l-attenzjoni kollha biex torganizza l-Euro 2024. Ta min jiftakar li l-Euro 2016 se ssir fi Franza.