Lokali

Il-Kap tal-PN jiltaqa’ mal-President tal-EPP

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil kellu laqgħa mal-President il-gdid tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nażżjonalista.

Simon Busuttil li kien akkumpanjat mill-Membri Parlamentari Ewropej, David ċasa u Therese Comodini Cachia awgura lil Weber fil-kariga ġdida tiegħu u qal li jinsab konvint se jkun qed jiffaċċja b’mod effettiv l-isfidi fil-kariga tiegħu fit-tmexxija tal-grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew.

Simon Busuttil qal li għandu l-privilieġġ li jsejjaħ lil Weber bħala ħabib tiegħu. Hu elenka l-isfidi marbuta mal-ħidma tal-Parlament Ewropew.

Il-Kap tal-Partit Nażżjonalista qal li l-Parlament Ewropew qed jiffaċċja l-isfida li żdiedu l-membri li mhumiex affiljati ma’ grupp politiku. Sostna wkoll li l-Parlament Ewropew qed jiffaċċja l-isfidi ekonomiċi u politiċi li qed jolqtu lil Ewropa jew pajjiżi viċin tagħha fosthom il-qagħad u is-sitważżjoni fl-Ukrajna, f’Gaża u fil-Libja. Hu rrefera wkoll għall-isfida riċenti li qed tiffaċċja l-Afrika minhabba l-Ebola li qed tinxtered malajr u tippreżenta sfida biex tigi kkontrollata.

Simon Busuttil qal li hu importanti li madwar id-dinja, il-bandiera Ewropea tibqa’ tkun simbolu ta’ paċi u prosperita’.

Il-Kap tal-Partit Nażżjonalista qal li jinsab konvint li taht it-tmexxija ta’ Weber il-Parlament Ewropew se jkun qed jahdem għal dak li hu sewwa.

Minn naha tiegħu Manfred Weber elenka tlett setturi ewlenin li l-Parlament Ewropew jeħtieġ li jibqa’ jindiriżża. Dawn huma l-kummerċ u l-ħolqien tal-impjiegi; l-isfida tal-immigrazzjoni u li l-Ewropa ma’ tharisx biss lejha nfisha imma anke lejn dak li qed isehh barra minnha.

Hu ddeskriva lil Kap tal-Partit Nażżjonalista, Simon Busuttil bħala mexxej ta’ esperjenża.

Sadatant, wara din il-laqgħa Weber iltaqa’ ukoll ma’ numru ta’ żgħażagħ li kienu qed jipparteċipaw fis-seminar tal-MżPN dalgħodu.