Malta tinsab ippreparata fl-eventwalita’ li jfeġġ każ ta’ Ebola, u r-riskju li tfaqqa din il-marda f’pajjiżna hu wieħed baxx. Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne, fisser f’konferenza tal-aħbarijiet li l-Gvern ha l-pariri kollha minn esperti lokali u internazzjonali, filwaqt li serraħ moħħ il-pubbliku li r-riskji tal-Ebola f’Malta huma żgħar.
Is-Segretarju Parlamentari Fearne spjega li d-Dipartiment tas-Saħħa ha żewġ livelli ta’ preparamenti. Jekk ikun hemm ka] suspettuz, l-awtoritajiet tas-sahha jiehdu l-prekawzjonijiet kollha waqt li joffru l-ahjar trattament lill-persuna koncernata.
It-tieni livell hu dak li jikkonċerna l-Isptar Mater Dei u dan biex jiżdiedu l-faċilitajiet u jitjiebu l-istess faċilitajiet biex f’każ ta’ Ebola jittieħdu l-miżuri kollha tas-sigurta’.
Chris Fearne qal li l-preparamenti li qed isiru mill-gvern huma konformi ma’ dawk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mard u l-Kontroll.
Hu stqarr li qed isiru sessjonijiet ta’ taħrig dwar l-Ebola għall-ħaddiema fl-isptarijiet, għas-suldati u l-ħaddiema fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, għal dawk li jaħdmu mad-Dwana kif ukoll għall-pulizija u ħaddiema oħrajn li jaħdmu fit-taqsima tal-immigrazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Fearne xejjen dak li ntqal fil-media fl-aħħar jiem, fejn kien ġie rappurtat li l-Ebola tittiehed jekk xi hadd jaghtas. L-Ebola tittieħed biss minn trasmissjonijiet ta’ fluwidi, kuntatt sesswali jew permezz ta’ demm infettat.
Chris Fearne qal li l-perijodu ta’ inkubazzjoni jvarja bejn jumejn u tliet ġimgħat. S’issa, kompla s-Segretarju Parlamentari Fearne, l-awtoritajiet tas-saħħa ġew informati dwar raġel Malti li rritorna minn Sierra Leone. Għalkemm ma kellu ebda sintomu, ir-ragel kien skrinjat bhala prekawzjoni. It-testijiet mediċi rriżultaw fin-negattiv iżda r-raġel qed ikun tkun monitorjat kuljum bħala prekawzjoni.
Charmaine Gauci, id-Direttur tad-Dipartiment għall-Prevenzjoni mill-Mard u l-Promozzjoni tas-Saħħa fissret li minn Diċembru tas-sena li għaddiet sal-lum, kien hemm 1,711 każ li minnhom 932 kienu fatali. Il-maġġoranza ta’ dawn il-każi kienu fil-Guinea, fi Sierra Leone, fin-Nigerja u fil-Liberja.
Hi qalet li s-sintomi bikrija tal-Ebola jinkludu uġigħ fil-muskoli, deni, rimettar, għajnejn ħomor, rash fuq il-ġilda, diarrhoea u uġigħ fl-istonku. Is-sintomi akuti mbagħad ikopru, fost oħrajn, emorarġija mill-organi tal-ġisem.
Michael Borg, il-Kap tad-Dipartiment għall-Kontroll tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei spjega li zewgt ikmamar fi hdan id-Dipartiment ġew ippreparati għat-trattament tal-pazjenti. Hu qal li l-Isptar Mater Dei intgħażel għax fih jista’ jingħata l-aqwa livell ta’ kura f’ambjent hieles mill-periklu.
Intant f’kaz li xi hadd ikun jaf b’xi persuni li gew Malta mill-pajjizi Afrikani infettati, għandu jikkuntattja lill-awtoritajiet tas-sahha. Barra minn hekk twaqqfet helpline fuq in-numru 21324086.
//= $special ?>

