F’Ittra Pastorali fl-okkażżjoni tal-Festa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, l-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech qal li “għalkemm kulħadd ifittex li jkun kuntent, mhux kulħadd ifittex il-kuntentizza bl-istess mod. It-toroq li nagħżlu biex inkunu ferħanin huma differenti. Dan jispjega għaliex fid-dinja hawn min hu kuntent u hawn min mhuwiex.”
L-Isqof Grech qal li fost dawk li mhumiex kuntenti hemm dawk li għaddew minn xi esperjenza qarsa f’dak li għandu x’jaqsam mas-sesswalità. Hu spjega li l-Knisja għandha il-Vanġelu tas-Sesswalità u tenna li qed jisma’ l-karba ta’ żgħażagħ li jaħsbu li biex ikunu kuntenti għandhom jesperimentaw f’relazzjonijiet ta’ bejniethom li iżda qed iġarrbu ċertu vojt. Hu qal li jisma’ wkoll l-uġigħ ta’ koppji mizzewġa li sabu li r-relazzjonijiet sesswali flok għenuhom jikbru fl-intimità, kienu l-kawża għaliex tbiegħdu minn xulin. L-Isqof Grech qal ukoll li hu konxju li s-sesswalità taf tħabbat ukoll lil dawk li mhumiex mizzewġa u ma’ dawn mhux esklużi dawk li għażlu li jkunu ċelibi għas-Saltna t’Alla.
L-Ittra Pastorali tgħid li huwa fatt magħruf li l-bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba u wieħed mill-lingwaġġi tal-imħabba hija s-sesswalità. Izzid li l-ebda mġiba sesswali ma tkun ġenwina jekk warajha m’hemmx l-imħabba. L-Ittra tispjega li fl-istupru, fil-prostituzzjoni u fil-pedofelija ma hemm ebda ħjiel ta’ mħabba. L-istess, bin-negozju li jsir mill-pornografija. L-Isqof Grech spjega li Gesu ma ċanfarx lil Ġuda għax biegħu imma għax inqeda bil-lingwaġġ tal-imħabba (il-bewsa). Hu qal li koppja li tfittex li tingħaqad fiżikament mhux f’kuntest ta’ imħabba tkun qed tnezza is-sesswalità mit-tifsora ġenwina tagħha. Hu qal li l-imħabba u s-sesswalità huma aspetti nobbli u sbieħ tal-bniedem li forsi għandna bżonn niskopru aħjar ir-rabta bejniethom.
L-Isqof Grech rrefera wkoll għal studju riċenti li sar minn Dar Ġużeppa Debono li juri li b’mod ġenerali mġiba sesswali imħarbta fost l-addoloxenti hija konsegwenza ta’ nuqqas ta’ imħabba li huma jkollhom fil-familja, fl-iskola u fis-soċjetà b’mod ġenerali. Hu spjega li meta s-soċjetà tisfutta t-tbatija tagħhom billi toffrilhom soluzzjonijiet taparsi faċli jispiċċaw jaqgħu f’attività sesswali li tista’ taffetwalhom saħħithom kif ukoll l-psikolġija u s-sentimenti tagħhom.
Mill-istudju joħroġ aspett ieħor, li ħafna adoloxxenti jqisu li mhux ser ikollhom x’jaqsmu sesswalment qabel ma jiltaqgħu ma’ dik il-persuna li magħha jixtiequ jgħixu jew jizzewġu. L-Isqof Grech qal li l-aħbar tal-Vanġelu trid tixxandar fuq dawn il-valuri li joħorġu is-sabiħ tas-sesswalità umana.
L-Ittra Pastorali tgħid li lil uliedna għandna ngħaddulhom il-messaġġ li l-imħabba vera hija possibli għax Kristu ħa l-ġisem uman u fdiena. Issostni wkoll li hemm bżonn li l-ġenituri jkunu l-protagonisti fl-edukazzjoni sesswali tagħhom hekk kif l-istudju juri ħafna informazzjoni fuq is-sess, l-adoloxxenti qed joħduha mill-ħbieb u mill-mezzi ta’ kommunikazzjoni bħal internet.
L-Isqof Grech qal li l-edukazzjoni vera fis-sesswalità u fl-imħabba titlob formazzjoni għall-kastità li sostna jaf b’koppji u żgħażagħ li jippartikkawha. Hu qal li l-kastità ma tfissirx li wieħed jastjeni milli jkollu relazzjoni sesswali imma li wieħed jikkontrolla l-passjonijiet tiegħu u jgawdi s-sliem. Sostna li huwa minnu li “l-kastità titlob sagrifiċċju imma s-sagrifiċċju huwa triq li twassal għall-kuntentizza.”
L-Isqof Grech rringrazzja lil Dar Ġużeppi Debono u l-iskejjal fi gżiritna għall-inizjattivi f’dan il-qasam. Hu saħaq li l-proposti edukattivi għandhom jinkludu l-verità sħiħa tas-sesswalità umana inkluż l-aspetti psikoloġiċi, soċjali u spiritwali tal-persuna.
L-Ittra Pastorali tagħmel sejħa biex in-nies tħoss ir-responsabilità skont il-Vanġelu tas-Sesswalità. Ittemm li “fis-solennità ta’ Santa Marija għajnejna jaqgħu fuq il-Verġni Marija Mtellgħa is-Sema bir-ruħ u l-ġisem, li hija Omm l-Imħabba Sabiħa, jiġifieri Gesu Kristu.”
//= $special ?>