Formula 1 Sport

Ricciardo kuntent li qed imur aħjar minn Vettel

Is-sewwieq Awstraljan tar-Red Bull Daniel Ricciardo ammetta li hu kuntent li qed jikseb riżultati aħjar minn dawk taċ-champion Sebastian Vettel. Dan tal-aħħar, għal dawn l-aħħar erba’ snin iddomina fl-F1 imma din is-sena għadu ma rebaħ l-ebda tellieqa fi staġun li qed ikun iddominat mill-koppja tal-Mercedes Lewis Hamilton u Nico Rosberg. Ricciardo ħa post Mark Webber qabel dan l-istaġun u mhux biss qed imur aħjar minn Vettel imma hu l-uniku sewwieq li m’huwiex tal-Mercedes, li rebaħ tellieqa dan l-istaġun. Fil-fatt Ricciardo rebaħ il-Grand Prix tal-Ungerija u dak tal-Kanada.

“Mhux se nigdeb, hu ta sodisfazzjon kbir għalija li qed immur aħjar minn sewwieq tal-kalibru ta’ Vettel. Jekk wieħed irid jara kemm qed imur tajjeb f’dan l-isport jista’ jqabbel lilu nnifsu ma’ wieħed bħal Vettel u jara kif sejjer ikkumparat miegħu. Mhux biss kien hemm drabi fejn kont aħjar minnu fis-sessjonijiet ta’ provi imma anke fit-tlielaq infushom u dan jimlini b’sodifazzjon u ottimiżmu għat-tieni parti tal-istaġun,” qal Ricciardo. Bħalissa l-kampjonat hu wieqaf u jirritorna fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu. Ricciardo bħalissa jinsab fit-tielet post fil-klassifika tas-sewwieqa, 71 punt taħt il-lider Nico Rosberg.