Kultura Lokali

Karl Luke Schembri jirbaħ il-konkors Oltreoceano Festival Live Senior

Is-sopran Karl Luke Schembri rebaħ il-konkors Oltreoceano Festival Live Senior li sar is-Sibt fl-Italja. F’dan il-konkors ħadu sehem ‘il fuq minn 400 kantant u kantanta.

Dan is-suċċess għal Karl, li hu mħarreġ mis-Soprano Antoinette Miggiani u Claire McCartin, isegwi żewġ suċċessi oħra li hu kiseb fl-aħħar xhur.

Fi Frar kien l-overall winner f’The Magical World of Coulisses fir-Russja fejn ipparteċipa flimkien ma’ 300 parteċipant ieħor minn madwar id-dinja.

F’Mejju imbagħad hu rebaħ il-kategorija tiegħu f’San Remo Junior.

Fl-istess konkors ħadet sehem ukoll Maltija oħra, Michela Galea li għandha sbatax-il sena u li fil-finali kklassifikat fit-tieni post bil-kanzunetta Come Saprei.

L-għalliema vokali ta’ Michela hi Pamela Bezzina.

Fi kliem Maestro Fabrizio Palma, il-kowċ vokali tal-konkors Amici li fil-passat ħadem ukoll ma’ kantanti stabbilita’ bħal Gigi D’Alessio, Renato Zero u Andrea Bocelli fost oħrajn, il-Maltin rebħu minħabba li kienu uniċi u oriġinali.

Bħala rebbieħ ta’ dan il-konkors, Karl se jmur New York fl-Istati Uniti fejn se jkollu intervisti fuq radji lokali u se jieħu sehem f’kunċerti lokali. Dan minbarra li se jieħu sehem ukoll fl-OltreOceano Festival Live Senior New York.

Minbarra dan, Karl se jkollu diska oriġinali li se titqassam lill-media internazzjonali.