Arsenal rebħu l-ewwel unur tal-istaġun meta b’wirja tajba għelbu liċ-champions Manchester City 3-0 biex aċċertaw mir-rebħ tal-FA Community Shield f’Wembley Stadium. B’hekk Arsenal komplew fejn ħallew f’Mejju meta kienu rebħu l-FA Cup biex temmew perjodu ta’ disa’ snin mingħajr rebħ ta’ tazzi.
Santi Cazorla u Aaron Ramsey li t-tnejn kienu skorjaw anki fil-final tal-FA Cup f’Mejju, skorjaw il-goals tal-Gunners fl-ewwel taqsima, bil-Franċiż Giroud jiskorja t-tielet gowl fit-tieni taqsima.
It-tim taċ-champions Manchester City kienu biss id-dell tat-tim li rebaħ il-kampjonat għat-tieni darba fl-aħħar tliet snin.
Arsenal jiftħu l-impenji tagħhom fil-Premiership kontra Crystal Palace nhar is-Sibt bit-tama li jirnexxielhom jirbħu l-kampjonat wara nuqqas ta’ 11-il sena. Ir-rebħ tal-Community Shield mhux bilfors juri xi jkun ġej fl-istaġun għaliex propju s-sena l-oħra kienu Manchester United immexxija minn David Moyes li rebħu din il-kompetizzjoni iżda wara kellhom staġun kważi diżastruż.
Manchester City kellhom għadd ta’ plejers nieqsa, fejn kienu erba’ biss il-plejers mill-iskwadra tas-sena l-oħra li kienu nklużi fil-formazzjoni inizjali f’Wembley. Sorpriża wkoll bejn il-lasta taċ-champions fejn il-goalkeeper Joe Hart tħalla fuq il-bank tas-sotituti u kien l-akkwist il-ġdid Willy Caballero li City akkwistaw mingħand Malaga, li lagħab il-logħba kollha.
Anki Arsenal kellhom in-nuqqasijiet tagħhom fejn il-Gunners kienu mingħajr it-trio Ġermaniż rebbieħa tat-tazza tad-Dinja fil-Brażil. Dawn huma Lukas Podolski, Per Mertesacker, u Mesut Ozil li għadhom mhux fl-aqwa kondizzjoni wara l-vaganzi ta’ wara r-rebħa tat-tazza tad-Dinja.
Iżda għal Arsenal għamel id-debutt l-akkwist li sewa lill-Gunners 60 miljun lira sterlina, iċ-Ċilen Alexis Sanchez, li Arsenal akkwistaw mingħand Barcelona.
Il-logħba f’Wembley kienet mingħajr storja fejn Manchester City qatt ma nkwetaw lid-difiża ta’ Arsenal, li marru fil-vantaġġ wara 21 minuta meta Jack Wilshire u Yaya Sanogo kellhom azzjoni tajba bil-ballun jasal għand Santi Cazorla li skorja b’xutt fil-baxx. Sanogo kien ferm attiv għall-Gunners u kellu xutt imur ftit barra u daqqa ta’ ras salvata minn Caballero. Tliet minuti mill-intervall Sanogo qassam tajjeb lejn Ramsey li spara fix-xibka mill-viċin.
Fit-tieni taqsima Manchester City ħarġu aħjar u Jovetic kien imċaħħad minn save tajjeb ta’ Szczesny biex mas-siegħa logħob Arsenal għalqu l-logħba bit-tielet gowl skorjat minn Olivier Giroud.
//= $special ?>

