Internazzjonali

Elezzjoni Presidenzjali fit-Turkija

Fit-Turkija llum qegħda ssir l-elezzjoni Presidenzjali. L-ewwel darba li l-President tat-Turkija ser ikun elett u mhux magħżul mill-parlament. Fl-elezzjoni tal-llum hemm tlett kandidati, l-Priministru attwali Recep Tayyip Erdogan, Ekmeleddin Ihsanoglu u Selahattin Demirtas.

Il-kandidat rebbieħ irid jikseb aktar minn 50% tal-vot popolari u f’każ li ħadd ma’ jikseb dan l-ammont issir votazzjoni oħra fl-24 t’Awwissu.

Erdogan, il-Priministru attwali li ma’ jistax jerġa jikkontesta dik il-kariga, huwa figura kontroversjali b’sapport qawwi mill-partitarji tiegħu iżda kritikat minn ħafna bħala persuna bi twemmien estrem u b’nuqqas ta’ prattiċi demokratiċi. Huwa għamilha ċara li l-għan tal-kandidatura tiegħu huwa sabiex il-kariga ta’ President tinbidel minn waħda ċerimonjali għal waħda aktar eżekuttiva.

Minn naħa l-oħra Ihsanoglu huwa l-kandidat ta’ żewġ partiti fl-opposizzjoni u qiegħed jisħaq li r-rwol ta’ President għandu jibqa ċerimonjali. Demirtas ġej mill-minorita’ Kurda u qiegħed jikkontesta f’isem partit xellugi.

L-indikazzjonijiet kollha juru li Erdogan huwa l-favorit nett biex jirbaħ it-tellieqa llum stess.