Sport Sport Ieħor

Federer u Tsonga fil-finali tar-Rogers Cup f’Toronto

Il-final tar-Rogers Cup f’Toronto se tkun bejn l-Iżvizzeru Roger Federer u l-Franċiż Jo-Wilfred Tsonga wara li dawn rebħu s-semi finali tagħhom kontra Feliciano Lopez u Grigor Dimitrov rispettivament.

Roger Federer għeleb f’żewġ sets lil Feliciano Lopez 6-3, 6-4 biex għadda għall-finali ta’ dan it-tournament fejn Federer se jkun qed ifittex it-tielet titlu tiegħu din is-sena, u t-80 wieħed fil-karriera brillanti tiegħu.

Federer huwa wkoll rebbieħ ta’ rekord 17-il titlu Grand Slam. Federer qal li lagħab tajjeb kontra Lopez fejn kien tajjeb ħafna fis-service.

Minn naħa tiegħu Tsonga kompla bil-vena mill-aqwa tiegħu fejn wara li elimina lil Novak Djokovic u Andy Murray, ftit sab diffikulta fis-semi finali kontra l-Bulgaru Dimitrov u ħareġ rebbieħ 6-4, 6-3. Tsonga qal wara l-logħba li bħalissa qed jilgħab tajjeb u qed ikun regolari fit-tennis tiegħu. Tsonga qal li bis-saħħa t’hekk li rnexxielu jelimina tlieta mill-aqwa għaxra fir-rankings mondjali u issa jittama li jkompli sejjer anki fil-finali kontra Federer.

Il-final bejn Federer u Tsonga se jkun is-16-il konfront bejniethom fejn Federer jinsab fil-vantaġġ 11-4. Għal Federer din se tkun is-seba’ finali tiegħu din is-sena fejn ħareġ rebbieħ f’Dubai u f’Halle biss, filwaqt li għal Tsonga din hi t-tieni finali tas-sena, fejn fil-final l-oħra din is-sena tilef kontra Ernests Gulbis fil-finali ta’ Marsilja. L-uniku titlu masters 100 mirbuħ minn Tsonga kien fis-sena 2008 meta rebaħ il-masters ta’ Pariġi.