Il-każ tat-tifel Eritrean li nġieb mil-Libja biex jingħaqad ma’ missieru wara li tilef lil ommu f’inċident tat-traffiku bejn is-Sudan u l-Libja ħalla warajh ferita għal tlieta oħra li kienu qed jivvjaġġaw miegħu fl-istess vettura u li bħalu salvaw iżda li l-Kummissjoni Emigranti ma tafx fejn huma.
B’wiċċ ferħan u daħkan mgħannaq minn missieru, it-tifel Eritrean Abiel qed jibda jidra l-ambjent Malti. Fuq kollox qed jagħmel l-affarijiet tat-tfal daqsu…affarijiet li ma kienx jista jagħmel fl-Eritrea…fosthom li jilgħab u jħossu sigur f’ħajtu. Abiel beda ħajja ġdida.
Iżda jekk għal Abiel, l-futur jidher aħjar, għat-tliet itfal li kienu miegħu fil-vettura li fiha mietet ommu fil-Libja, is-sitwazzjoni hi totalment differenti. Ħadd ma jaf fejn huma għalkemm il-Kummisjsoni Emigranti lesta tgħinhom u ssalvalhom ħajjithom.
Il-każ ta’ Abiel kien wieħed li miss il-qlub tal-Maltin u wera s-solidarjeta tal-poplu quddiem il-kriżi tal-immigrazzjoni.
It-tifel Abiel bħalissa jinsab fi proċess ta’ riabilitazzjoni ma’ missieru. Bejniethom trid tinbena relazzjoni li ma kinitx teżisti għaliex lil missieru Abiel ma kienx jafu qabel iltaqgħu f’Malta.
Lill-poplu Malti, Abiel jirringrazzjah mill-qalb. Miegħu jingħaqdu missieru u l-familjari l-ohra li ġew Malta u kienu salvati mill-kefrija tal-ħajja fl-Eritrea. Ħajja ta’ ġlieda bejn ħajja u mewt biċ-ċittadini maqbuda bejn elementi politiċi u kriżijiet ekonomiċi.
//= $special ?>
