Il-Gvern qed ikompli jkaxkar saqajh u jirrifjuta li jippubblika l-kuntratt ffirmat mal-kumpanija Henley and Partners dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.
Fid-dawl ta’ dan, Maltarightnow.com reġa’ ħa r-reazzjoni ta’ erba’ opinjonisti li argumentaw li d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern – li mhux fl-interess pubbliku li jippubblika l-ftehim ma’ Henley ma jreġux.
Anzi, isostnu li l-kuntratt għandu jkun espost fil-pubbliku biex wieħed jara x’fih u kif dan jolqot lill-pajjiż.
L-opinjonista Adrian Delia fisser li hu intrinsiku fil-kunċett innifsu tal-prinċipju taċ-Ċittadinanza li din il-materja, mhux biss hi ta’ interess pubbliku, iżda saħansitra hi l-qofol ta’ dak li wieħed jifhem meta jitkellem fuq interess pubbliku. Hu stqarr li pariri, negozjati, inkella ftehim, intimament relatati jew li jirregolaw l-għoti, jew kif inhu f’dan il-każ, ix-xiri taċ-Ċittadinanza, huma wkoll fl-interess pubbliku.
Adrian Delia jifhem li l-Gvern ikun kostrett li xi drabi jitbiegħed mill-parametri tat-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku u jagħżel li jżomm mistur dak li jidhirlu li jkun ta’ ħsara jekk joħroġ fl-arena pubblika. Madankollu ddikjara li ma jifhimx f’din iċ-ċirkostanza jew rigward din il-materja, x’qatt jista’ jkun hemm li mhux fl-interess pubbliku.
L-eks trejdunjonista u eks Segretarj Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin Gejtu Vella, saħaq li d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern joħduna għal dak li kien jiġri fil-passat.
Malcolm Naudi, il-President tal-Istituti tal-Ġurnalisti Maltin fakkar li l-IGM kien iġġieled ħafna biex il-liġi dwar id-Dritt għall-Informazzjoni tkun imħarsa.
L-opinjonista Martin Scicluna saħaq li dak kollu li jsir mill-Gvern, anki jekk tkun transazzjoni kummerċjali li jkollha interess nazzjonali wiesa’, għandu jkun pubblikat fil-miftuħ. Saħaq madankollu li jifhem li xi ħaġa sensittiva, bħalma hu dan il-kuntratt iffirmat ma’ Henley & Partners, jista’ jkollu xi partijiet minnu li ma jippermettux li jkunu pubblikati.
Segwi l-kummenti fil-filmat.
//= $special ?>

