Raġel milqut serjament fil-ġlied fil-Libja, u li kien wieħed mill-feruti li nġiebu Malta fl-aħħar ġimgħat, miet fuq l-ajruplan waqt it-titjira lejn Malta. Dan il-pazjent xorta waħda tniżżel fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, u ttieħed lejn it-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei fejn ġie ċertifikat mejjet, għalkemm il-gvern fi stqarrija ċaħad dan.
Dan kien żvelat mill-gazzetta l-Mument li fakkret kif il-Gvern għadu qatt ma ta informazzjoni dwar min huma dawn il-persuni nvoluti fil-konflitt Libjan li qed jinġiebu f’Malta u jekk kinux ġejjin minn milizji partikolari li qegħdin jiġġieldu.
Osservaturi lokali tax-xena internazzjonali kkummentaw ma’ il-Mument u qed jistaqsu jekk kemm-il darba l-Gvern Malti daħalx fi ftehim ma’ xi milizja partikolari biex il-feruti tagħha jinġiebu Malta għall-kura. Dan qed joħloq aktar mistoqsijiet. Fosthom kemm-il darba, l-Gvern Malti għamel tali ftehim, anki b’mod verbali, ma’ min sar u meta sar. Fuq kollox hemm min qiegħed isaqsi wkoll x’inhu l-interess tal-Gvern Malti li joffri din l-għajnuna lil xi milizja partikolari u x’inhu l-gwadann għal pajjiżna, fuq perijodu qasir u anki fit-tul.
Bla dubju ta’ xejn, jekk il-Gvern Malti qed jiffavorixxi lil xi milizja partikolari, dan awtomatikament ifisser li għandu jew eventwalment se jkollu lill-kumplament tal-milizji l-oħra kontra tiegħu.
Il-persuni li qegħdin jinġiebu f’Malta qegħdin jingħataw is-servizzi kollha mediċi li jkunu jeħtieġu filwaqt li jinżammu taħt għajnejn membri magħżula tal-forzi tal-ordni, anki jekk b’ilbies pajżan għaż-żmien kollu li jdumu għall-kura.
Intant il-Mument irrapurtat ukoll li l-akbar sejba mill-flejjes kbar li Gaddafi u t-tfal tiegħu kienu serqu mill-poplu Libjan tul l-42 sena ta’ dittatura kienet dik ta’ US$134 miljun dollaru li kienu ta’ wieħed mit-tfal ta’ Gaddafi, Mutassim u li kien inqatel matul ir-rivoluzzjoni. Il-kontijiet huma rappurtati li nstabu f’Malta u li għadhom imblukkati f’Malta.
Ir-rapport fi Bloomberg jidentifika li l-persuna nkarigata biex jinkisbu lura dawn l-assi kien Abdalla Kablan ta’ nisel Libjan imma li hu ċittadin Malti u li ntqal jiġi mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjan Mohammed Abedlaziz.
Intant Maltin li fil-jiem li għaddew rritornaw Malta mil-Libja rrakkontaw d-dwejjaq u f’mumenti d-disperazzjoni tagħhom ma’ il-Mument. Ħafna sabu ruħhom darhom mal-ħajt u kienu lesti jħallsu biex jitilqu mill-periklu gravi li kienu fih fejn kienu qed jgħixu kemm fir-residenzi kif ukoll fuq l-post tax-xogħol.
Dan jidher ċar li seħħ f’diversi nħawi fil-Libja minħabba li fl-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar u f’ċerti każi s-sitwazzjoni għalihom kienet ta’ periklu ferm agħar minn żmien ir-rivoluzzjoni kontra Muammar Gaddafi. Però ħafna ħassewhom abbandunati u pajjiżna mhux qed jieħu ħsiebhom kif għandu jkun.
Kuntrarjament għal dak li ġara meta Gaddafi tneħħa mill-poter, did-darba l-Maltin fil-Libja u li wħud minnhom għandhom familja, ma sabux appoġġ konkret mill-awtoritajiet Maltin biex joħorġu mill-periklu u jiġu Malta b’mod sigur.
Fl-aħħar sigħat il-Gvern Indjan kera Boeing 747 li wasal f’pajjiżna dalgħodu u ġabar 289 ħaddiem Indjan li ġew evakwati minn Benghazi lejn Malta fl-aħħar jiem.
//= $special ?>

