Għawdex Lokali

Il-President ta’ Malta tniedi l-ewwel ballu tal-President li se jsir f’Għawdex

Fl-isfond tas-sit storiku tat-tempji tal-Ġgantija, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nediet l-ewwel ballu tal-President li se jsir f’Għawdex nhar is-Sibt 30 t’Awwissu.

Il-President Coleiro Preca qalet li dan il-ballu mhux se jkun f’Għawdex għall-Għawdxin biss iżda se jkun qed jesponi s-sbuħija ta’ Għawdex.

Il-President ta’ Malta sostniet kif f’dawn l-aħħar snin, l-prevalenza tal-marda tal-kanċer żdiedet u l-Malta Community Chest Fund jibqa’ l-uniku fond nazzjonali li qed jipprovdi fondi għall-kura.
 
Waqt it-tnedija tkellem il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo li spjega kif din l-attività qed turi biċ-ċar li din il-Presidenza qed tkun verament Presidenza tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, fejn l-umanità tal-persuna tkun fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha.

Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said li faħħar din l-inizjattiva u wiegħed l-appoġġ tal-Oppożizzjoni f’inizjattivi li minnhom igawdi l-poplu Malti u Għawdxi. Chris Said irrimarka wkoll dwar kif attivitajiet bħal dawn, minbarra li jwasslu biex jinġabru fondi li huma tant meħtieġa, jerġgħu jinbtu f’bosta persuni mħabba għall-kultura u tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin.

Waqt it-tnedija tkellmet ukoll Daphne Caruana, l-Kuratur tat-Tempji tal-Ġgantija li spjegat kif hu ta’ unur għal Heritage Malta li t-Tempji tal-Ġgantija li huma sit ta’ wirt storiku dinji ġew magħżula biex jospitaw dan l-avveniment.
 
Wara l-impenji tagħha f’Għawdex, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Preca żaru Kemmuna.
 
Il-President ta’ Malta ltaqgħet mal-maniġment u l-ħaddiema tal-lukanda f’Kemmuna fejn rat il-ħidma għaddejja mat-turisti u ma’ dawk kollha li jżuru din il-gżira fis-Sajf. Il-President Coleiro Preca żaret ukoll l-unika erba’ residenti f’Kemmuna.