It-taħdidiet ta’ paċi fl-Eġittu ħadu spinta l-quddiem hekk kif iż-żewġ naħat, il-Palestinjani u Iżrael qablu għal waqfien mill-ġlied mill-ġdid għal perjodu ta’ 72 siegħa. B’hekk it-triq issa hija miftuħa għal aktar sforzi favur ftiehem aktar permanenti.
Aktar kmieni…
It-taħdidiet ta’ paċi bejn il-Palestinjani u Iżrael li qegħdin isiru fil-kapitali Eġizzjana l-Kajr jinstabu mill-ġdid taħt thedida hekk kif iż-żewġ naħat ħarġu twissija ċara lil xulxin.
Negozjaturi Palestinjani saħqu li huma kienu lesti jħallu l-Eġittu jekk in-negozjaturi ta’ Iżrael ma’ jattendux għal laqgħa tal-llum mingħajr ebda kundizzjoni. Minn naħa l-oħra n-negozjaturi ta’ Iżrael saħqu li huma ma’ kienux lesti jinnegozzjaw sakemm jieqfu r-rockets sparati minn Gaza.
In-negozjati qegħdin isiru fl-isfond ta’ waqfien mill-ġlied li ntemm il-ġimgħa u fost l-appell ta’ bosta pajjiżi fosthom ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja għal waqfien mill-ġdid.
Il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu minn naħa l-oħra saħaq li l-operazzjoni militari ser tkompli sakemm tikseb l-mira tagħha. Missjoni li skond Netanyahu ser tieħu ż-żmien.
Intant fl-aħħar siegħat kompla l-ġlied mdemmi b’bosta attakki f’Gaza u b’bosta rockets sparati lejn Iżrael. F’dawn l-attakki kienu bosta li tilfu ħajjithom bil-vittmi minn meta beda l-ġlied issa jitilgħu għal aktar minn 1,900 fuq in-naħa Palestinjana u 67 fuq in-naħa ta’ Iżrael.
//= $special ?>

