Lokali

Inċident f’Birkirkara jara żewġ rġiel jisfaw feruti

Żewġ rġiel, sewwieq ta’ 26 sena u passiġier ta’ 34 sena, it-tnejn minn Naxxar qegħdin isofru ġrieħi u kellhom jittieħdu l-Isptar għall-kura wara li kienu nvoluti f’ inċident tat-traffiku f’Birkirkara.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-4.15 ta’ wara nofsinhar fi Triq Mannarinu meta għal xi raġuni, il-vettura tat-tip Mazda 2 ta’ lewn blu baqgħet dieħla fil-ħadid li jifred Triq Mannarinu mit-triq li tiġi quddiem id-Dipartiment tal-VAT bil-konsegwenza li l-vettura inqalbet.

Iż-żagħżagħ inħarġu mill-vettura u ingħataw l-ewwel għajnuna permezz ta’ ambulanza li ħadithom l-Isptar Mater Dei għal iktar kura.

Is-sewwieq qiegħed isofri minn ġrieħi ħfieħ filwaqt li l-passiġier qiegħed isofri minn grieħi gravi.

Il-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ.