Internazzjonali

Is-servizzi mediċi fil-Liberja jikkrollaw

L-organizzazzjoni karitatevoli Medecins sans Frontieres (MSF) qalet li s-servizzi mediċi fil-Liberja ‘qed jikkrollaw’ u ma jistgħu jagħmlu xejn fil-konfront tal-epidemija tal-Ebola, li sallum infettat mal-1,800 persuna fil-pajjiżi Afrikani tal-Punent.

Il-koordinaturi tal-MSF fil-Liberja sostnew li l-istatistika uffiċjali dwar l-epidemija ‘ma jirrappreżentawx ir-realta’ u li s-sistema tas-saħħa fil-pajjiż ‘ċediet qisha dar tal-karti’.

Madwar elf persuna mietu b’kaġun tal-Ebola, iżda l-Guinea, ġar tal-Liberja, ċaħdet għal rapporti li kienet għalqet il-fruntieri tagħha.

Fi tmiem il-ġimgħa, il-pulizija fil-Liberja intervjenew biex iwaqqfu protesta kontra l-mod kif il-Gvern qed jirreaġġixxi għall-Ebola. Dan wara li l-virus qattiel infirex madwar il-Liberja u fl-inħawi tal-Guinea u Sierra Leone – bl-aħħar rapporti jgħidu li l-epidemija, issa, feġġet ukoll f’pajjiżi oħrajn.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) diġa kkummentat li l-inċidenza tal-Ebola attwali għandha titqies bħala emerġenza tas-saħħa fuq livell globali. Intant, iċ-ċentri li twaqqfu fl-Istati Uniti biex jipproduċu l-mediċini xierqa fil-każ ta’ xi theddida kbira mill-Ebola (fl-artijiet Amerikani) qalu li huma lesti biex jappoġġjaw kull impenn tal-Gvern Amerikan biex jitħaffu l-programmi intiżi għal trattament speċifiku tal-virus.