Lokali

L-Ombudsman jinsisti li huwa għandu d-dritt jinvestiga l-ilmenti mressqa minn uffiċjali tal-armata

Eku tat-tilwima bejn il-Gvern u l-Ombudsman fuq il-każ tal-inġustizzji fl-Armata. Każ li beda wara li l-Gvern oġġezzjona li jikkopera mal-Ombudsman fl-investigazzjonijiet tiegħu dwar promozzjonijiet fl-Armarta u li wassal lill-Ombudsman biex jiftaħ protest ġudizzjarju kontra l-Gvern.

F’intervista fuq il-gazzetta Malta Today l-Ombudsman Joseph Said Pullicino jgħid li matul il-ġimgħa d-dieħla se jkun qed jiltaqa’ mal-Ministru Manuel Mallia dwar din il-kwistjoni. Fl-intervista l-Ombudsman jibqa’ jinsisti li huwa għandu d-dritt jinvestiga l-ilmenti mressqa minn uffiċjali tal-armata.

Said Pullicino jfakkar li investiga ilmenti ta’ uffiċjali tal-Armata u r-rakkomandazzjonijiet li għamel qabel l-elezzjoni kienu implimentati mill-gvern il-ġdid. Dan, ikompli l-Ombudsman, jixhed li hu ma aġixxiex bi preġudizzju kontra l-gvern.

“Mhux veru li ttrattajt din il-kwistjoni differenti minni kif kont naġixxi taħt l-amministrazzjoni preċedenti” jisħaq l-Ombudsman.

L-intervista tiffoka wkoll fuq il-kwistjoni tal-impeachment tal-Imħallef Farrugia Sacco. Hawnhekk l-Ombudsman qal li ħass li kellu jitkellem fuq dan il-każ minħabba li konna ffaċċjati b’sitwazzjoni li kienet qed ikollha effett negattiv fuq kif il-poplu Malti jħares lejn il-ġustizzja.

Għalkemm jirrispetta l-verdett tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li kkonkludiet li l-Ombudsman ma kellux jikkummenta fuq dan il-każ, Joseph Said Pullicino jibqa’ jsostni li huwa għandu l-liberta li jesprimi opinjoni fuq kif is-sistema ġudizzjarja qed tolqot liċ-ċittadin.

L-Ombudsman jitkellem ukoll dwar in-numru ta’ bordijiet li twaqqfu f’numru ta’ ministeri fejn wieħed jista’ jressaq l ilmenti tiegħu u jisħaq li dawn mhumiex il-post ideali fejn jistgħu jiġu indirizzati dawn l-ilmenti minħabba l-akkuża li l-amministrazzjoni preżenti qed tevalwa azzjonijiet tal-amministrazzjoni preċedenti. Tant hu hekk, ifakkar l-Ombudsman, li taħt Gvern Laburista preċedenti, kienet ittieħdet id-deċiżjoni li dawn l-ilmenti jtressqu quddiem l-Ombudsman.

L-Ombudsman ifakkar li l-Uffiċċju tiegħu huwa wieħed indipendenti u li jirrispondi għall-parlament.

“Inħossni mweġġa meta niġi akkużat bi żbilanċ politiku.” saħaq l-Ombudsman Joseph Said Pullicino.

B’ħarsa lejn il-futur tal-Uffiċċju tiegħu, l-Ombudsman jgħid li wasal iż-żmien li jinħatru kummissarji speċjalizzati ġodda għall-affarijeit tal-konsumatur u l-forzi tas-sigurta li jistgħu jkomplu jibnu fuq is-suċċess tal-kummissrji speċjalizzati dwar is-saħħa, l-ippjanar u l-edukazzjoni.