Matul ix-xahar ta’ Lulju pajjiżna esperjenza temperaturi iktar friski u ġranet b’aktar riħ meta mqabbel mal-medja f’Lulju.
Dan joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li turi li matul ix-xahar li għadda ma kien hemm l-ebda ġranet sħan ħafna bit-temperatura medja tkun dik ta’ 26.2 gradi celcius – 0.4 gradi taħt in-normal.
Filfatt, l-ogħla temperatura f’Lulju kienet dik ta’ 34.3 gradi celcius reġistrata fid-29 ta’ Lulju filwaqt li l-iktar temperatura baxxa kienet irreġistrata fis-17 ta’ Lulju b’19.8 gradi celcius.
Bi 11.8 sigħat ta’ xemx kuljum, Lulju rreġistra żieda ta’ 0.1 ta’ siegħa iktar mill-medja fl-ammont ta’ ħin li t-temp kien xemxi bl-iktar ġurnata xemxija tkun dik tat-18 ta’ Lulju bi tlettax-il siegħa ta’ xemx. Għall-kuntrarju, l-iktar ġurnata mdallma kienet fis-26 ta’ Lulju b’7.1 sigħat ta’ xemx biss. Meta wieħed imbagħad ihares lejn il-medja, f’Lulju l-Gżejjer Maltin gawdew 365 siegħa xemx.
Imma Lulju rreġistra wkoll traċċi ta’ xita f’jumejn differenti, l-10 u d-29 tax-xahar kif ukoll 0.2 millimetri ta’ nida fis-6 ta’ Lulju. Dan minbarra li f’jumejn matul Lulju kien rikordjat iċ-ċpar li mhux soltu għal dan ix-xahar.
Anke’ t-temperatura tal-baħar kienet inqas minn normal – 24.6 gradi celcius matul Lulju li tfisser 0.1 ta’ grad iktar kiesħa mis-soltu. L-umdita’ relattiva, b’67% matul Lulju, kienet ta’ 1 fil-mija inqas minn normal.
Minn naħa l-oħra f’Lulju li għadda kienet irreġistrata żieda fil-medja tar-riħ li nefaħ medja ta’ mil nawtiku u nofs iktar min-normal, l-iktar mill-Punent Majjistru. Il-qawwa tar-riħ fil-11, 23 u 31 ta’ Lulju laħħqet it-28 mil nawtiku.
Dawn iċ-ċifri jikkuntrastaw max-xejra fit-temp fl-aħħar snin fejn, minħabba t-tibdil fil-klima, is-sjuf f’pajjiżna kienu qed jiħraxu.
//= $special ?>
