Il-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko, qal li hu lest biex jikkunsidra li jippermetti t-trasport tal-għajnuna umanitarja lejn iż-żoni Ukreni tal-Lvant li qed jikkontrollaw is-separatisti armati li jridu l-unjoni mar-Russja.
Madankollu, Poroshenko qal li kwalunkwe missjoni ta’ fejda għandha titmexxa fuq livell internazzjonali u għandha tgħaddi biss miċ-checkpoints li huma mgħassa mill-militar tal-Ukrajna.
Ir-Russja sejħet kemm il-darba għal missjoni umanitarja b’risq ir-reġjuni Ukreni tal-Lvant, iżda l-pajjiżi tal-Punent qed jibżgħu li Moska tista’ tieħu vantaġġ mill-ħidma ta’ fejda sussegwenti biex tibgħat it-truppi tagħha lejn l-Ukrajna.
Intant rapport fil-ġurnal Ingliż The Daily Mail saħaq li l-inċident ta’ l-ajruplan tal-Malaysian Airlines fl-Ukrajna kien żball minn naħa tas-separatisti favur ir-Russja. The Daily Mail tikkwota il-kap tas-servizzi sigrieti Ukreni Valentyn Nalyvaichenko jgħid li jidher li s-separatisti favur ir-Russja marru fil-villaġġ il-ħażin meta ħejjew għall-attakk hekk kif jidher li hemm żewġ villaġġi bl-istess isem.
Il-villaġġ li kellhom imorru fih huwa taħt il-kontroll tal-gvern ta’ Kiev iżda l-villaġġ li attwalment marru fih huwa villaġġ taħt il-kontroll ta’ l-istess ribelli. L-istorja f’The Daily Mail tkompli tgħid li fil-mira kienet it-titjira AFL2074, titjira tal-linja ta’ l-ajru nazzjonali Russa Aeroflot minn Moska sa Larnaca. Skond Nalyvaichenko l-iskop kien sabiex l-attakk kontra l-ajruplan Russu jintuża bħala skuża mill-gvern ta’ Moska għal invażżjoni ta’ l-Ukrajna.
//= $special ?>

