Irrankat l-evakwazzjoni tal-ħaddiema tas-sigurta u l-membri tal-għaqdiet mhux govermentali waqt li l-vjolenza fil-Libja qed tintensifika sal-punt fejn il-pajjiż, qed ibati ‘taħt piż impossibbli’. Dan waqt li l-Istat qed jipprova jsib il-mezzi tal-appoġġ għall-immigranti u l-eluf kbar tal-Libjani li spiċċaw jgħixu l-ħajja ta’ refuġjati.
Intant, spiċċaw sospiżi l-programmi għall-iżvilupp f’dan il-pajjiż u bil-konsegwenza li għexieren ta’ eluf ta’ nies vulnerabbli qed jiddependu fuq l-isforzi ta’ ‘staff ta’ fejda mill-aktar minimu’, bl-impenji tal-għajnuna qed jitmexxew, f’parti, mill-voluntiera.
Fl-aħħar ġimgħat, eluf ta’ familji – fil-parti kbira residenti ta’ Tripli u Benghazi – kienu kostretti li jaħarbu minn djarhom minħabba l-battalji twal u kontinwi bejn il-gruppi tal-milizzji rivali. Dan waqt li movimenti ta’ armati rispettivi ħatfu kontroll tal-ajruport internazzjonali ta’ Tripli u ta’ bażi militari f’Benghazi.
Il-vjolenza qed tirranka mindu saret l-elezzjoni ta’ Ġunju fil-Libja u għalkemm ittieħdu l-passi lejn it-twaqqif ta’ Parlament ġdid fi Tripli, l-awtoritajiet Libjani qed ibatu biex jirristawraw l-ordni, u bil-Libja, llum, qed iġġarrab iċ-ċirkostanzi ta’ gwerra ċivili ġdida.
F’din is-sitwazzjoni komplew jikbru l-ħtiġijiet umanitarji u bl-entitajiet fil-Libja qed isibuha ferm diffiċli li jwieġbu għas-sejħa. Il-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, illum, qed jaħdmu ‘b’mod indipendenti’ fl-artijiet tat-Tuneżija (ġar tal-Libja) waqt li ħafna qed isibuha impossibbli biex ikomplu bl-impenji tagħhom.
Qabel l-aħħar ġimgħat, il-Libja kienet diġa qed tbati taħt il-piż kbir tal-immigranti li qed jużaw dan il-pajjiż bħala ‘aċċess għall-Ewropa’. Fl-istess ħin hemm il-problema ta’ ‘l fuq minn 50,000 ‘refuġjati’ Libjani li ilhom mingħajr residenza miż-żminijiet tar-rewwixta li qaċċtet ir-reġim tal-eks-dittatur Libjan, Muammar Gaddafi, fl-2001.
Intant, l-aħħar vjolenza fil-Libja affettwat mal-500,000 familja, u bir-riżultat li r-refuġjati Libjani qed jiżdiedu bl-eluf.
Il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-grupp Medecins Sans Frontieres ukoll issospendew jew ħassru l-programmi ta’ fejda fl-art tal-Libja waqt li irtiraw il-ħaddiema tagħhom mill-pajjiż minħabba l-periklu u l-inċertezza kbira li qed jaħkmu.
Intant, il-Kap tad-delegazzjoni Libjana mal-ICRC, Antoine Grand, qal li llum il-belt sħiħa ta’ Tripli qed tħoss l-effetti tal-battalji li għaddejjin lejn in-Nofsinar u l-Punent tal-kapitali. Grand, li kien qed jitkellem fit-Tuneżija, ikkonferma ’emerġenza oħra’ fil-Libja minħabba n-nuqqas ta’ fuel , b’rapporti oħra jgħidu li l-banek Libjani qed jispiċċawlhom il-flus u li l-poplu qed ibati wkoll minħabba n-nuqqas ta’ ħobż u l-qtugħ kontinwu fil-provvista tal-elettriku.
//= $special ?>

