Sport Sport Ieħor

Venus Williams tgħeleb lil oħta Serena f’Montreal

Fis-semi finali tar-Rogers Cup f’Montreal, Venus Williams għelbet lil oħtha Serena biex għaddiet għall-finali. Venus rebħet 6-7, 6-2, 6-3 biex kisbet l-ewwel rebħa fuq Serena wara nuqqas ta’ ħames snin, bl-aħħar rebħa tagħha fuq oħtha tkun f’Dubai fis-sena 2009.

Venus qalet fi tmiem il-logħba li hi u oħtha huma t-tnejn plejers tajbin ħafna u l-logħbiet bejniethom ikunu dejjem ibbilanċjati u ma tkunx taf min se joħroġ rebbieħ. Serena minn naħa tagħha qalet li ma tantx lagħbet tajjeb kontra Venus. Serena qalet li kellha service tajjeb biss fl-ewwel set, iżda wara ma kinitx daqshekk tajba u Venus kien ħaqqa tikseb ir-rebħa u post fil-finali.

Venus issa tiltaqa’ kontra Agnieszka Radwanska li fis-semi finali l-oħra għelbet lil Ekaterina Makarova 7-6, 7-6.

Il-logħba bejn Venus Williams u Serena Williams kienet il-25 logħba bejniethom, fejn Serena s’issa rebħet 14-il darba u Venus ħdax-il darba. Serena li għandha 32 sena tinsab bħalissa fl-ewwel post fir-rankings mondjali, fejn b’kollox ilha 200 ġimgħa fl-ewwel post tar-rankings. Venus li hi sentejn ikbar minn Serena, tinsab fis-26 poast fir-rankings mondjali. Dwar il-finali kontra Radwanska Venus Williams qalet li issa ma tridx li tħalli din l-okkażjoni taħrab minn taħt idejha.

Radwanska rebħet l-aħħar żewġ konfronti kontra Venus Williams u l-finali mistennija tkun waħda nċerta. Venus Williams se tkun qed tfittex it-tieni titlu tagħha din is-sena wara li rebħet it-titlu f’Dubai fi Frar li għadda.