Minn total ta’ 7,000 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ bejn it-18 u l-25 sena li ntalbu jipparteċipaw f’xi waħda mill-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex ikomplu jistudjaw jew jitħarrġu, kienu biss madwar 400 li rrispondew. Jirriżulta li wħud minn dawn is-7,000 la qed jaħdmu u lanqas qed jirreġistraw għax-xogħol, ghalkemm hemm uħud minnhom li għadhom jistudjaw. Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo qal dan waqt żjara li għamel fl-MCAST lil grupp ta’ studenti li qed jieħdu l-privat biex jagħmlu r-resits tas-SEC fil-Malti, fl-Ingliż, fil-Matematika u fil-Fiżika.
B’kollox applikaw 1,337 student u studenta, li wħud minnhom applikaw għal aktar minn suġġett wieħed u għalhekk b’kollox l-applikazzjonijiet fis-suġġetti kollha jlahhqu l-2,348. Madankollu, mhux l-istudenti kollha li applikaw għall-privat qed jattendu għax jirriżulta li huma biss 68% li qed jattendu l-privat mogħti taħt l-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-aktar li applikaw kien fil-Matematika b’770 applikazzjoni u fl-Ingliż b’692 applikazzjoni. Il-lezzjonijiet qed jingħataw f’żewġ ċentri f’Malta u wieħed f’Għawdex.
Il-Ministru Bartolo qal li l-akbar sfida mhix ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżda li ż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw għax ħafna qed jitilqu mill-iskola mingħajr ħiliet bażiċi. Għalhekk, qal li qed issir l-istrateġija biex iż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw u l-istipendju qed jingħata għal sena waħda li jirrepetu biex ikunu inċentivati jkomplu jistudjaw.
Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal tal-MCAST Stephen Cachia qal li madwar 60 student u studenta applikaw biex jattendu lezzjonijiet ta’ reviżjoni f’diversi suġġetti ħalli jkunu jistgħu jitilgħu fil-Livell Tlieta u b’hekk ikunu jistgħu jkomplu l-kors tagħhom fl-MCAST.
//= $special ?>
