L-eks Segretarju tal-Istat Amerikan Hillary Clinton tbiegħdet mill-politika barranija tal-President Barack Obama f’intervista lil ġurnal Amerikan. Fl-intervista, hi qalet li d-deċiżjoni ta’ Obama li ma jintervjenix fil-gwerra ċivili Sirjana kienet “falliment”.
Fl-Istati Uniti kien hemm ħafna kritika talli Obama għamel ftit biex appoġġja lil dawk is-Sirjani li qamu kontra d-dittatura ta’ Bashar al-Assad, biex issa l-ġlied ilu jkaxkar tliet snin u Assad għadu fil-poter, filwaqt li l-militanti Iżlamiċi saru l-forza ewlenija kontrih. L-istess militanti Iżlamiċi qed jagħmlu ħerba fl-Iraq.
F’intervista ma’ The Atlantic, Clinton qalet li n-nuqqas tal-Istati Uniti li tgħin b’mod konkret lil dawk li bdew jiġġieldu r-reġim wassal biex dawn tkissru u issa l-vojt li tħalla qed jimtela mill-militanti Iżlamiċi.
Clinton kienet tmexxi l-politika barranija Amerikana matul l-ewwel mandat ta’ Obama, meta bdiet ir-rewwixta fis-Sirja, iżda irriżenjat fil-bidu tal-2013. Hi issa qed titqies bħala kandidat potenzjali biex tikkontesta l-elezzjoni presidenzjali fl-2016.
Clinton esprimiet appoġġ għall-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, li miegħu Obama ma tantx għandu relazzjoni tajba, filwaqt li żiedet li Iżrael għamel dak li kellu jagħmel bi tweġiba għall-isparar tar-rockets mill-Ħamas u żiedet li t-tort kollu għall-vittmi kien tal-Ħamas.
//= $special ?>

