Editorjal

Editorjal: Il-bejgħ f’Malta jonqos kontra x-xejra fl-Ewropa… fejn hemm l-internet ukoll

Il-Prim Ministru nhar il-Ġimgħa tkellem f’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja dwar għaxar snin mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Trid tgħid, kellu l-wiċċ jitkellem. Għax fl-akbar deċiżjoni li għamel dal-pajjiż f’ħamsin sena, Joseph Muscat kien żbaljat bil-goff.

Dikjarazzjoni fażulla tal-Prim Ministru
Mil-laqgħa ma ħareġ xejn ta’ barra minn hawn fuq l-Ewropa imma ħarġet dikjarazzjoni mill-aktar fażulla tal-Prim Ministru dwar il-bejgħ fil-ħwienet u l-effett tal-internet.

Tal-ħwienet: suq ħażin
Ma’ kull min titkellem fil-qasam tal-kummerċ fil-ħwienet u l-fornituri tal-oġġetti għall-bejgħ, jgħidlek li hawn suq ħażin. U dan ilu sejjer issa numru ta’ xhur. U t-tgergir tan-nies tal-ħwienet hu kkonfermat minn ħafna ċifri differenti li ħerġin.

Ċifri differenti jikkonfermaw il-waqgħa fil-bejgħ
Għandna l-istatistika tal-Gvern stess li qed turi li l-importazzjoni tal-prodotti biex jinbiegħu fil-ħwienet naqset konsistentement għal ħafna xhur. Għandna ċ-ċifri dwar il-produzzjoni industrijali li naqset sostanzjalment is-sena l-oħra u anke din is-sena.

Il-Eurostat: waqgħa fil-bejgħ f’Malta kontra żieda f’pajjiżi oħrajn
U għandna naturalment l-istatistika tal-Eurostat li turi li l-bejgħ fil-ħwienet f’Malta naqas sostanzjalment għal ħafna xhur, kontra x-xejra fl-Ewropa, fejn qed jiżdied. Il-Prim Ministru, mistoqsi dwar dan, qal, għax hawn ħafna xiri minn fuq l-internet.

Joseph Muscat jipprova jbella’ raġuni: l-internet
U bħas-soltu, Joseph Muscat ħaseb li b’hekk jista’ jbella’ raġuni għat-tnaqqis fil-bejgħ f’settur – tal-ħwienet – li waħdu jħaddem 12,000 ruħ, apparti n-nies li jaħdmu fl-oqsma li għandhom x’jaqsmu, bħall-importazzjoni u t-trasport tal-merkanzija.

Imma f’pajjiżi oħrajn m’hemmx l-internet ukoll?
Kemm hu fażull l-argument tal-Prim Ministru joħroġ mill-fatt li l-bejgħ f’Malta qed jonqos kontra x-xejra f’pajjiżi oħrajn fejn qed jiżdied. U f’pajjiżi oħrajn hemm l-internet ukoll u n-nies jixtru minn fuq l-internet kullimkien.

Fil-Lussemburgu, il-bejgħ żdied b’aktar minn 10 fil-mija
Pereżempju, pajjiż żgħir bħalna – il-Lussemburgu – fejn, jerġa’, barra l-internet, kemm jaqbdu karozza u jmorru Franza jew il-Ġermanja jixtru. Fil-Lussemburgu l-bejgħ mill-ħwienet żdied b’aktar minn 10 fil-mija fl-aħħar 5 xhur; f’Malta naqas bi 2 fil-mija.

Fl-Irlanda u f’Ċipru m’hemmx internet?
U fl-Irlanda m’għandhomx internet? Imma l-bejgħ mill-ħwienet fl-Irlanda żdied. U skoss pajjiżi żgħar oħrajn bħalna; Ċipru, per eżempju, fejn il-bejgħ skont l-aħħar statistika żdied.

Fi 23 pajjiżi, skont Muscat għalqu l-internet
U tista’ tibqa’ sejjer. Għax, fil-fatt, minn 28 pajjiż fl-Unjoni Ewropea, f’ħamsa biss naqas il-bejgħ mill-ħwienet, fosthom sostanzjalment f’Malta, għax it-23 pajjiż l-ieħor, skont Joseph Muscat, għalqu l-internet.