Il-Gvern għandu jkollu mira li joħloq ix-xogħol mal-privat, jinċentiva biex ikollna investiment barrani u jinċentiva lil sidien ta’ negozji Maltin ħalli jkomplu jinvestu u joħolqu x-xogħol. Kien dan il-messaġġ tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Impjiegi u l-Persuni b’Diżabbiltà Stephen Spiteri wara li ċifri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kkonfermaw li l-impjiegi mal-Gvern qegħdin dejjem qed jiżdiedu.
F’kumment lil MaltaRightNow.com, Stephen Spiteri qal li f’pajjiżna qed naraw li l-Gvern qed iżid kontinwament l-impjiegi mal-Gvern, tant li llum ilaħħaq total ta’ aktar minn 1,900 impjieg. Għal Stephen Spiteri, din iż-żieda hi waħda inkwetanti għax filwaqt li qed naraw żieda fl-impjiegi mal-Gvern, qed ikun hemm nuqqas ta’ żieda fl-impjiegi mal-privat.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li dan jikkumpara sewwa mas-sitwazzjoni li pajjiżna kien għaddej minnha fi żmien Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista, meta l-Gvern kien jinċentiva ħalli x-xogħol fil-privat jikber u l-ħaddiema fil-privat jiżdiedu. Fakkar kif fis-snin li għaddew, f’pajjiżna kienu qed jiżdiedu l-impjiegi mal-privat u mhux mal-Gvern, tant li l-impjiegi mal-privat kien telgħu għal 73% tal-impjiegi full-time kollha.
Stephen Spiteri tkellem ukoll dwar statistika oħra, li din id-darba turi li l-paga medja tal-ħaddiema żdiedet biss b’medja ta’ €100. Fakkar li l-kwalità tax-xogħol u l-paga li wieħed jitħallas għaliha hi importanti ħafna. Qal li żieda ogħla fil-pagi tirrifletti kwalità ta’ ħajja aħjar offruta lill-ħaddiema.
//= $special ?>