Lokali Saħħa

Aġġornata: Ħelikopter b’pazjent jirritorna lejn Għawdex għax karozza mblukkat l-aċċess għall-Helipad ta’ San Luqa

Ħelikopter b’pazjent mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li kellu jiġi trasferit lejn Malta biex il-pazjent jingħata aktar kura fl-Isptar Mater Dei, kellu jdur lura lejn Għawdex wara li ma setax jagħmel inżul fil-Helipad tal-Isptar San Luqa, li bħalissa qed jintuża’ minflok dak ta’ Mater Dei minħabba xi xogħol ta’ kostruzzjoni.

Ir-raġuni ta’ dan ir-ritorn kien għax kien hemm karozza pparkjata li mblukkat l-aċċess għall-Helipad ta’ St Luke’s. Din l-istorja, li ġiet żvelata mill-ġurnal tal-GWU, kienet ikkonfermata mid-Dipartiment tas-Saħħa fi stqarrija dalgħodu stess b’reazzjoni għar-rapport. Fl-istqarrija, id-Dipartiment tas-Saħħa qal li qed jinvestiga l-każ, li sehh is-Sibt filgħodu.

Dak il-ħin, il-ħelikopter li kellu jinżel fil-Helipad tal-Isptar San Luqa kellu jistennewh Ambulanza b’tim mediku, iżda ma setax jinżel minħabba din il-vettura. L-istqarrija kompliet tgħid li d-Dipartiment ġie nfurmat li dak il-ħin kien impossibbli li l-vettura titneħħa u li l-ħelikopter kellu jdur lura lejn Għawdex biex ikun jista’ jmur Malta aktar tard.

Sadanittant, il-vettura li kien hemm ipparkjata fil-Helipad tneħħiet u l-ħelikopter wasal lura Malta madwar sagħtejn wara, fejn il-pazjent ittieħed l-Isptar Mater Dei biex jingħata l-kura meħtieġa. L-istorja żvelata mill-ġurnal tal-GWU tgħid li l-karozza kienet tal-kiri u l-ħelikopter kien qed iġorr pazjent raġel li aktarx kien sofra attakk ta’ puplesija. Ir-rapport jgħid ukoll li kieku l-ħelikopter ma kienx se jkun jista’ jinżel fil-Helipad, kienu se jsiru xi arranġamenti biex jinżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minflok.

Madankollu, l-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa tgħid li l-ħelikopter kellu jdur lura lejn Għawdex u rritorna lura Malta xi sagħtejn wara. Id-Dipartiment tas-Saħħa qal li qed jieħu dan il-każ b’serjetà kbira u beda investigazzjoni, li jidher li s’issa wasslet biex ittieħdu passi dixxiplinarji, inkluż sospensjoni mill-post tax-xogħol fil-konfront ta’ min kien involut. L-istqarrija ttemm tgħid li fl-istess ħin se jittieħdu wkoll il-mizuri kollha meħtieġa biex jiġi assigurat li każ simili ma jerġax iseħħ.

Sadanittant, waqt briefing għall-ġurnalisti fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Joseph Caruana, id-Deputat Kap Eżekuttiv Ivan Falzon u d-Direttur Kliniku tal-Isptar Joe Zarb Adami kkonfermaw li se ssir inkjesta dwar dan il-każ. Huma qalu li l-pazjent involut fil-każ miet iżda diġà kien f’kundizzjoni kritika. Għalhekk ma jistgħux jatribwixxu l-mewt tiegħu għad-dewmien minħabba l-karozza pparkjata fuq il-helipad. Jidher li l-pazjent li l-ħelikopter mar għalih f’Ghawdex kien in-negozjant Ino Attard, is-sid tar-ristorant Ta’ Frenċ, li miet il-bieraħ fl-għomor ta’ 58 sena.