Fil-bidu tas-sena d-dieħla l-Gvern mistenni jippubblika reviżjoni fil-policy tat-turiżmu bl-iskop li f’pajjiżna jkollna turiżmu aktar sostenibbli u billi s-settur privat jinvesti aktar f’miżuri favur l-ambjent.
Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ħabbar dan meta ippreżenta ċ-ċertifikazzjoni Green Key Award lil rappreżentanti tal-lukandi Le Meridien u Westin Dragonara wara li ħadu miżuri biex ikunu aktar ambjentalment sostenibbli.
Hu qal li l-policy għat-turiżmu trid tfassal fejn irid imur pajjiżna fl-industrija tat-turiżmu fis-snin li ġejjin.
Waħda mill-miri tar-reviżjoni tal-policy tat-turiżmu hi li jkun hemm titjib fil-prodott u fis-servizz biex Malta tkun aktar kompetittiva.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li fl-aħħar snin Malta dejjem irreġistrat tkabbir fit-turiżmu, u fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena n-numru ta’ turisti li żaru Malta laħħaq aktar minn 730,000 jiġifieri żieda ta’ 9 fil-mija fuq l-istess xhur is-sena ta’ qabel. It-total ta’ bed nights żdied b’7 fil-mija.
Sadattant, iċ-ċertifikazzjoni Green Key hi programm ieħor tal-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali li tmexxi wkoll il-programmi Blue Flag għall-bajjiet u l-marinas u l-EkoSkola. F’Malta din il-Fondazzjoni Internazzjonali hi rappreżentat minn Nature Trust Malta.
Iċ-ċertifikazzjoni Green Key hi maħsuba għal dawk il-lukandi li jnaqqsu l-ħela tal-enerġija, li jużaw prodotti sostenibbli u li jqajjmu kuxjenza favur l-ambjent. Il-lukanda Le Meridien qed tingħata din iċ-ċertifikazzjoni għat-tieni sena konsekuttiva.
Vince Attard, il-President Ezekuttiv ta’ Nature Trust (Malta) feraħ lil Le Meridien u lil Westin Dragonara għal ħidma tagħhom favur it-turiżmu sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent.
//= $special ?>