Raġel ta’ 62 sena minn San Ġwann kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn wara li nstab ħati li għamel użu minn ċertifikat falz tal-VRT. Mill-provi rriżulta li l-Pulizija nvestigat ħruġ ta’ ċertifikati tal-VRT mingħajr ma jkun sar it-test. Il-post li dwaru saru l-allegazzjonijiet kien il-Car Clinic VRT Centre.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li minn Jannar 2009 sa Novembru 2009 kien hemm diskrepanza ta’ aktar minn 1,400 ċertifikat tal-VRT li nħarġu iżda ma kienux jidhru fis-sistema tat-testing. Wieħed minn dawk li ħadu l-karozza għat-test tal-VRT fil-perjodu kien William Stride.
Fix-xhieda tiegħu, hu qal li meta daħħal il-karozza, qagħad jistenna ħdejn il-bieb u ma ra lil ħadd jagħmel xi test fuq il-karozza tiegħu. Ftit wara, impjegat għajjatlu fl-uffiċċju u qallu li l-karozza ma kellhiex problemi u kienet għaddiet mit-test.
Stride qal li din kienet l-ewwel darba li mar f’dan il-post għat-test tal-VRT. Mistoqsi għaliex ma għamel xejn dwar il-fatt li ntebaħ li fuq il-karozza ma kienx sar test, qal li l-karozza kienet għadha ġejja mingħand il-mekkanik u għalhekk ħaseb li t-test ma kienx hemm bżonn li jsir.
Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qalet li Stride kien konxju li l-karozza ma sarilhiex it-test u ma għamel xejn biex iwaqqaf dan l-istat ta’ fatt. Għalhekk, hu għamel użu minn ċertifikat falz.
Madankollu, il-Qorti qieset ukoll li Stride ħallas għas-servizz tal-VRT b’mod normali u għalhekk ma għamel l-ebda gwadann finanzjarju. Kien għalhekk li l-Qorti sabitu ħati iżda minħabba dan in-nuqqas ta’ gwadann illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn.
//= $special ?>
