Il-GWU qed tappella lil Gvern u lill-Oppożizzjoni biex malajr kemm jista’ jkun jgħaddu mill-Parlament il-Liġi li permezz tagħha membri tal-korpi dixxiplinati, bħall-pulizija, is-suldati, il-membri tad-detention services u gwardjani tal-ħabs ikunu jistgħu jissieħbu f’union. Dan l-appell sar mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ħabbar li se titwaqqaf il-Union Gwardjani tal-Ħabs, li se tkun affiljata fil-GWU.
Zarb qal li din se tkun ir-raba’ union affiljata mal-GWU u li tirrappreżenta membri tal-korpi dixxiplinati, wara dik tal-Pulizija, tal-Armata u tas-Servizzi ta’ Detenzjoni. B’kollox hemm madwar 200 gwardjan tal-ħabs. Qal li għalkemm il-membri tal-korpi dixxiplinati jkunu jistgħu jissieħbu f’union, huma ma jistgħux jagħmlu strajk. Minkejja dan, qal li dawn it-tip ta’ ħaddiema huma ħerqana li jkunu jistgħu jissieħbu f’union biex l-interessi tagħhom ikunu mħarsa.
Fakkar ukoll li sal-lum, il-ħaddiema tal-Gvern m’għandhomx dritt imorru t-Tribunal Industrijali iżda bit-tibdil fil-Ligi proposta dawn se jkunu jistgħu jagħmlu dan.
//= $special ?>

