Il-Gvern ħabbar id-dati tal-istaġun tal-Kaċċa għall-Ħarifa. Fi stqarrija, ingħad li l-kaċċa tal-għasafar fuq l-art se titħalla ssir bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Jannar, bejn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx u sagħtejn wara nżul ix-xemx, kuljum bejn it-Tnejn u s-Sibt. Se titħalla ssir ukoll il-kaċċa bejn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx u s-1pm fil-Ħdud u l-festi pubbliċi.
Madankollu, il-kaċċa tal-għasafar fuq l-art, bejn il-15 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ottubru biż-żewġ dati nklużi, mhux se titħalla ssir mit-Tnejn sas-Sibt bejn is-7pm u sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-għada. Il-kaċċa għall-għasafar fuq il-baħar se titħalla ssir bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Jannar, matul l-istess ħinijiet bħall-kaċċa fuq l-art.
Bejn l-1 u s-7 ta’ Ottubru, iż-żewġ dati nklużi, ma tistax issir kaċċa bejn is-7pm u sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-għada. Fl-istqarrija ntqal li dawn il-parametri, inkluż il-curfew ta’ bejn il-15 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ottubru, huma eżatt bħal dawk tas-sena li għaddiet.
//= $special ?>