L-istatistika nkwetanti u ta’ tħassib, li ħarġet b’mod konsistenti fl-aħħar ġimgħat b’rabta mal-andament ekonomiku ta’ pajjiżna u dwar is-suq tax-xogħol, qatt ma tressqet mill-Gvern għad-diskussjoni fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela kif minkejja li l-imsieħba soċjali wkoll janalizzaw kull statistika li toħroġ b’rabta mal-andament ekonomiku f’pajjiżna, anke meta mqabbla mal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, min-naħa tal-MCESD hemm silenzju assolut dwar ix-xejriet li qed jirriżultaw fuq it-triq ekonomika ta’ pajjiżna u dwar is-sitwazzjoni attwali fis-suq tax-xogħol.
Sorsi qrib l-MCESD ikkonfermaw lill-ġurnal li ma kienet diskussa ebda statistika li nħarġet fl-aħħar ġimgħat b’rabta mas-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna u s-suq tax-xogħol. L-aħħar statistika li kienet ippubblikata l-ġimgħa li għaddiet turi li kien reġistrat tnaqqis sostanzjali kemm fl-importazzjoni kif ukoll fl-esportazzjoni u dan ifisser konsum batut u nkwetanti. Malta esperjenzat ukoll tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet u dan kontra x-xejra fl-Ewropa. Statistika ohra tal-NSO tikonferma li l-paga medja fl-aħħar sena żdiedet biss b’€96 meta fil-perjodu bejn Marzu 2008 u Marzu 2013, iż-żieda fil-paga medja kienet fil-livell ta’ €528.
Ma’ dawn ir-realtajiet wieħed irid iżid ukoll kif il-Gvern preżenti rrisponda għas-sitwazzjoni diffiċli tas-suq tax-xogħol, meta fis-sena u ħames xhur li ilu fil-poter, żied l-impjiegi maċ-Ċivil b’aktar minn 2,000. Sorsi qrib l-MCESD qed isostnu li wasal iż-żmien li l-qagħda ekonomika attwali titressaq għad-diskussjoni u l-analiżi fl-MCESD, aktar u aktar fid-dawl tal-eżerċizzju li jrid jibda l-Gvern b’rabta mat-tfassil tal-Baġit 2015.
L-indikazzjonijiet huma li l-Gvern se jerġa’ jkaxkar saqajh, kif għamel is-sena li għaddiet, u ma jieħux l-eżempju tal-Gvern Nazzjonalista li kien jibda l-konsultazzjoni dwar il-Baġit kmieni fix-xhur tas-Sajf meta kien jippreżenta d-Dokument ta’ Qabel il-Baġit biex jiġi diskuss u analizzat fil-proċess ta’ konsultazzjoni bi tħejjija għall-Baġit, li normalment jitressaq f’Novembru. Is-sena li għaddiet, il-Gvern Laburista ħabbar li se jibda l-konsultazzjoni dwar il-baġit fl-aħħar jum tax-xahar ta’ Awwissu u kien biss fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru li beda l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni dwar il-Baġit.
Fit-tħejjija għall-aħħar Baġit imressaq minn Gvern Nazzjonalista, il-Baġit 2013, bħal dan iż-żmien tas-sena kien diġà ppreżenta d-Dokument ta’ Qabel il-Baġit, li fetaħ id-diskussjoni u l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar it-tfassil tal-Baġit 2013. Sorsi qrib l-MCESD ikkonfermaw ma’ In-Nazzjon li l-Gvern, bħalma għamel is-sena li għaddiet, għadu ma bediex jiddiskuti l-Baġit. Bla dubju, l-imsieħba soċjali qed jistennew li fit-tfassil tal-Baġit 2015 jiġu ndirizzati x-xejriet xejn pożittivi li qed ikomplu jiġu kkonfermati f’kull statistika li qed tiġi ppubblikata b’rabta mal-andament ekonomiku ta’ pajjiżna u kif l-ekonomija tagħna qed tipparaguna mal-bqija tal-Istati Membri fl-UE.
//= $special ?>