“Il-Partit Laburista qed jagħmel il-bidla li l-poplu vvota għaliha?” hi l-mistoqsija diretta mid-Deputata Laburista Marlene Farrugia. Fl-artiklu tagħha ta’ kull nhar ta’ Tnejn f’The Malta Independent, għal ġimgħa oħra konsekuttiva, reġgħet ikkritikat lill-Gvern ta’ Muscat. Id-Deputata Laburista għamlet referenza għall-artiklu li kiteb fil-jiem li għaddew il-President tal-GWU Victor Carachi.
Filwaqt li sellmitlu għall-mod “kompetenti” li bih imexxi l-GWU, għamlet referenza għal artiklu li kiteb u li fih appella biex titnaqqas il-polarizzazzjoni, jiġifieri biex ma nibqgħux indaħħlu l-politika f’kull ħaġa li nagħmlu jew ngħidu. Iżda, qalet Farrugia, fl-artiklu tiegħu Carachi stess għamel attakk partiġġjan fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. “Mhux għax niekol il-kirxa mal-Kap tal-Oppożizzjoni, iżda l-argumenti ta’ Carachi dwar il-każ ta’ Martin Galea kienu għal kollox preġudikati”, kitbet Marlene Farrugia.
Il-backbencher Laburista kitbet li minn dak li segwiet fil-media lokali, il-Kap tal-Oppożizzjoni sempliċiment insista li għandu dritt u fuq kollox dmir kostituzzjonali li jkun infurmat b’dak li kien qed jiġri f’każ delikat bħalma kien ta’ Galea. Fakkret kif fl-2011, il-Prim Ministru ta’ dak iz-zmien Lawrence Gonzi kien tratta lill-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat bir-rispett dovut. Farrugia staqsiet lill-President tal-GWU jekk jistax ipoġġi idu fuq il-kuxjenza u jgħid li f’dan il-każ il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busttil u r-rwol Kostituzzjonali tiegħu ġewx trattati bl-istess rispett.
Kien hawn li d-Deputata Laburista kkummentat li jeżistu każi fejn il-Gvern Laburista bilkemm qed juri rispett lejn il-membri tiegħu stess, li telgħu b’mod demokratiku, aħseb u ara kemm qed juri rispett lejn l-Oppożizzjoni. Wirja ta’ rispett lejn l-Oppożizzjoni, qalet Farrugia, hi l-aħjar mod kif wieħed jiżgura li jnaqqas il-polarizzazzjoni. Farrugia fakkret li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-poplu fost l-oħrajn ivvota għall-bidla għax ir-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni Laburista kienu jiġu njorati. Kien dan li wassal biex inbidel il-Gvern. Iżda llum, tistaqsi Farrugia, il-Gvern Laburista qiegħed jagixxi b’mod differenti?
Fl-istess artiklu, Marlene Farrugia għamlet referenza wkoll għad-decizjoni tal-Gvern li jipposponi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Qalet li l-Liġi li waqqfet il-Kunsilli fl-1993 tgħid b’mod speċifiku li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu tmexxija demokratika eqreb lejn il-poplu. Madankollu, illum qed immorru ghall-estrem l-ieħor u mid-devoluzzjoni tal-poter, il-Gvern qed jerġa’ jieħu lura kollox f’idejh.
Irreferiet għall-kumment li kiteb Carachi fl-artiklu tiegħu, meta qal li dawn l-elezzjonijiet qed jgħinu biex tiżdied il-polarizzazzjoni. Madankollu, wieġbet Farrugia, il-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi ma teskludix il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet jew individwi indipendenti. Għaldaqstant, għandu jkun il-poplu li jiddeċiedi, kif bħalma ġieli għamel, għażel xi kandidati indipendenti qabel il-kandidati tal-partiti politiċi.
Dwar il-posponiment tal-elezzjonijiet lokali, id-Deputata Laburista kompliet tgħid li għalkemm wieħed jifhem li l-elezzjonijiet lokali jistgħu jsiru kollha f’salt kull ħames snin, li ttawwal il-perjodu għal daqstant tul, jista’ jkun ekwivalenti daqslikieku trid teqred dawn l-elezzjonijiet. Dwar l-iskuża li qed juża’ l-Gvern Laburista li qal li jrid inaqqas l-ispejjeż, Marlene Farrugia qalet li hemm diversi modi kif jistgħu jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ kuljum li għandu l-Gvern, iżda żgur li din mhijiex waħda minnhom.
Farrugia kkonkludiet l-artiklu billi qalet li aktar minn sena ilu l-poplu Malti u Għawdxi vvota għal moviment politiku li, b’mod kollettiv, ippersonifika n-nuqqas ta’ polarizzazzjoni mix-xena politika lokali. Is-suċċess tal-Moviment Laburista se jkun jista’ jitkejjel biss b’kemm hu kapaċi jelimina l-polarizzazzjoni mill-pajjiż. Għalkemm tgħid li għad fadal żmien u dan hu possibbli, Marlene Farrugia tikkonkludi li l-ewwel, il-Gvern għandu jagħti l-eżempju hu stess.
//= $special ?>
