Għada fis-7.30 pm fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq tintlagħab il-finali tan-Knockout tal-Ewwel Diviżjoni bejn Marsascala u Otters. Sentejn ilu Marsascala rebħu dan it-titlu filwaqt li sena ilu tilfu fil-finali tal-istess kompetizzjoni kontra Valletta. B’Hekk, għada se jkunu qed jippruvaw ipattu għal dik i-disfatta. Bħalissa M’Scala qegħdin jokkupaw l-ewwel post fil-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni u għandhom seba’ punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Marsaxlokk u vantaġġ ta’ 10 punti fuq l-istess Otters imma b’logħba aktar.
Dawn tal-aħħar se jkunu ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi, bl-aħħar waħda tkun dik ta’ 9-7 kontra Ta’ Xbiex. B’hekk wieħed jistenna reazzjoni minn naħa ta’ Otters f’logħba ferm importanti għalihom.
Fil-kampjonat, fl-ewwel rawnd dan l-istaġun M’Scala u Otters kienu spiċċaw fi draw ta’ 10-10 filwaqt li riċentament, fl-1 ta’ Awwissu, M’Scala rebħu l-konfront bi skor ta’ 16-13. Għada wkoll, qabel il-finali, fis-6.15pm, tintlagħab logħba mill-ewwel rawnd tar-Relegation Pool bejn Exiles u Sirens.
Intant, tard il-Ħadd filgħaxija l-kowċ ta’ San Ġiljan Sergio Afric offra r-riżenja tiegħu mill-kariga u tard il-bieraħ filgħaxija saret laqgħa urġenti fi ħdan il-Kumitat biex ikun deċiż min se jibda jmexxi lill-klabb. L-impenn li jmiss għal San Ġiljan hu nhar l-Erbgħa 20 ta’ Awwissu meta dakinhar jilagħbu fl-ewwel rawnd taċ-Championship Pool.
//= $special ?>

