Lokali

Priġunieri fuq ‘prison leave’ jirritornaw il-Ħabs fis-sakra wara li marru jixorbu fil-Festa tal-Ħamrun

Żewġ priġunieri li qed jiskontaw sentenzi ta’ ħabs ilbieraħ filgħaxija rritornaw il-Ħabs fis-sakra wara sigħat twal jixorbu waqt il-Festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun. Din l-informazzjoni ġiet żvelata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi, li fuq Facebook (ritratt fuq) ikkritika lill-Gvern għas-suppost ‘Riforma fil-Ħabs’ li qed jagħmel.

MaltaRightNow.com jinsab infurmat li ż-żewġ priġunieri qed jiskontaw seba’ snin u 17-il sena ħabs rispettivament, iżda dawn kienu fuq prison leave, kif jingħataw minn żmien għal żmien il-priġunieri. F’dan il-każ, dawn iż-żewġ priġunieri partikolari ngħataw il-leave mill-Ħabs biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħol mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien.

Madankollu, skont il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi, iż-żewġ priġunieri li suppost kienu xogħol fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, minflok, marru jixorbu waqt il-Festa tal-Ħamrun u min-12.30pm ‘il quddiem dehru mill-anqas f’żewg bars differenti. Persuni oħrajn li nnutaw lil dawn iż-żewġ priġunieri jixorbu waqt il-Festa wkoll ikkuntattjaw lill-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna u rrappurtaw ukoll li ż-żewġ priġunieri bdew jiftaħru li l-Gvern hu taghhom u li issa, taħt il-Labour, jagħmlu li jridu.

Fuq Facebook, Jason Azzopardi kiteb ukoll li meta filgħaxija rritornaw il-Ħabs, iż-żewġ priġunieri kienu fis-sakra. Informazzjoni separata li waslitilna tgħid ukoll li wieħed mill-priġunieri kellu wkoll argument ma’ xi Uffiċjal.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ċaħad l-istqarrijiet tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni u qal li l-priġunieri nstabu l-Ħadd waranofsinhar il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien. Il-Ministeru qal li test tal-breathalyser irriżulta fin-negattiv u ma nstabux li kienu fis-sakra. Madankollu, fl-istqarrija tiegħu l-Ministeru ma ċaħadx li l-priġunieri marru l-Festa ta’ San Gejtanu u għamlu xi ħin jixorbu fi stabbilimenti fil-Ħamrun.

Wara din iċ-ċaħda mill-Ministeru ta’ Manwel Mallia, Jason Azzopardi reġa’ kiteb fuq Facebook (ritratt isfel) u qal li l-Ministeru gideb meta qal li t-testijiet li saru fuq il-priġunieri rriżultaw fin-negattiv. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li hemm sitt Uffiċjali tal-Ħabs li huma xhieda li miż-żewġ testijiet tal-breathalyser irriżulta li l-priġunieri kienu fil-fatt ikkunsmaw l-alkoħol.

Min-naħa l-oħra, mistoqsijiet li aħna bagħatna lill-Ministeru ta’ Manwel Mallia dwar dan il-każ baqgħu mhux imwieġba.

Jason Azzopardi FB Post Prigunieri fis-Sakra 2 110814