Lokali

Residenti Slimiżi mħasbin dwar iż-żieda fil-kriminalita’

Ir-residenti Slimizi, partikularment dawk anzjani, jinsabu mħassbin minħabba d-diversi reati kriminali li qed jiżdiedu fil-lokalita’. F’laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika li saret fit-Teatru tas-Salesjani f’Tas-Sliema t-Tnejn filghaxija, numru ta’ residenti resqu l-ilmenti u s-suġġerimenti tagħhom lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Manuel Mallia, u lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit.

Tqajjem il-bżonn li terġa’ titwaqqaf in-neighbourhood watch f’numru ta’ toroq f’Tas-Sliema kif ukoll li jkun hemm is-CCTV – sistema li, skont xi residenti, hi ta’ deterrent. Dwar iż-żieda ta’ serqiet f’Tas-Sliema, fejn tħabbar li dawn ammontaw għal 21 fi tliet xhur, il-Ministru Mallia qal li s’issa ttellgħet persuna l-Qorti b’rabta ma’ waħda minn dawn is-serqiet.

Kien hemm min issuġġerixxa li jiżdiedu r-rondi mill-Pulizija fix-xtajiet minħabba s-serq li qed isir, filwaqt li persuna partikulari lmentat dwar il-każi ta’ vandalizmu li qed isiru mar-residenzi. Diversi persuni saħansitra lmentaw għax qed jitqajmu f’nofs ta’ lejl minħabba d-daqq, għal xejn b’xejn, tal-qanpiena tal-bieb. Dan minbarra l-graffitti u grif mal-ħitan li xi residenti qed ikollhom jesperjenzaw mal-faċċata tad-dar tagħhom.

L-eks kunsillier Nazzjonalista Edward Cuschieri, ssuġġerixxa li tinħoloq xi forma ta’ telecare biex f’każ ta’ emerġenza, jikkuntattjaw lill-Pulizija u forsi jinqdew fi żmien qasir. Resident ieħor fisser kif dan l-aħħar irċieva sensiela ta’ telefonati anonimi u għadda minn esperjenza ta’ attentat ta’ serq. Iżda, sfortunatament, meta kkuntattja l-Għassa ta’ Tas-Sliema, deherlu li ma ngħatax l-għajnuna mistħoqqa. Dwar il-fenomenu riċenti ta’ marki u sinjali mal-intercoms jew mal-qniepen tal-bibien, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit qal li l-Korp jaf b’dawn is-sinjali u qed isiru l-investigazzjonijiet dwarhom.

Sadanittant, fuq Facebook kienu diversi dawk li attendew u kitbu dwar din il-laqgħa. Persuna partikolari qalet li meta raġel irrakkonta kif ommu nsterqet u beda jippressa lill-Ministru, dan deher skomdu u beda jistieden lil ħaddieħor biex jitkellem. L-istess persuna qalet li l-ħaddiema tal-Customer Care tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali kienu kollha preżenti, inkluż il-Kap tal-Komunikazzjoni Ramona Attard, li skont din il-mara bdiet tieħu l-ismijiet, in-numru tal-Karta tal-Identità u n-numru tat-telefon ta’ dawk li bdew jitkellmu.