Serb ta’ 45 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Francesco Depasuqale li s-Sibt li għadda, għall-ħabta tas-2.30pm, daħal fl-istabbiliment Zara f’Tas-Sliema u minn hemm seraq par żarbun.
Fil-Qorti, Milorad Kojic qal li hu ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 20 sena, li qatt m’għamel dawn l-affarijiet qabel u li qatt ma kellu problemi mal-Pulizija. Għaldaqstant, ammetta li żbalja u dak li għamel għamlu spontanjament mingħajr ebda ħsieb.
Kojic twaqqaf minn membru tas-sigurtà wara li kien osservat jitfa’ l-par żarbun li seraq f’baskett tal-kompjuter li kellu f’idejh. Il-Qorti qalet li jekk is-Serb għandu xi problemi, messu mill-ewwel għarraf bihom lill-awtoritajiet għax is-serq qatt mhu ġustifikat.
Filwaqt li l-Qorti ikkunsidrat il-fatt li s-Serb irritorna kollox lill-Pulizija biex dawn jingħataw lura lill-ħanut minfejn saret is-serqa u l-fatt li ammetta mill-ewwel, illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn.
Għalih deher l-avukat Patrick Valentino, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Francis Sultana.
//= $special ?>

