Internazzjonali

Turkija: Erdogan minn Prim Ministru għal President

L-ewwel elezzjoni presidenzjali diretta fit-Turkija ntrebħet mill-Prim Ministru Tayyip Erdogan. Dan wara li fl-elezzjoni li saret fi tmiem il-ġimgħa, irnexxielu jirbaħ 52% tal-voti u għalhekk ma kienx hemm bżonn it-tieni fażi.

Erdogan qed jistinka biex il-poter tal-President jiżdied, iżda hemm oppożizzjoni kbira għal dan. S’issa l-kariga ta’ President fit-Turkija kienet l-aktar waħda ċerimonjali. Minkejja l-protesti kollha li kien hemm matul dawn l-aħħar sentejn, Erdogan xorta jgawdi popolarità kbira għax saħħaħ l-ekonomija Torka u ta widen lill-konservattivi u lill-Iżlamisti fil-pajjiż.

Madankollu, hemm tħassib minħabba li hu qed iġib ruħu dejjem aktar bħala mexxej awtoritarju. Erdogan kien ilu Prim Ministru mill-2003 u issa ma setax jerġa’ jikkontesta mandat ieħor. Hu se jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala President fit-28 ta’ Awwissu.