Qorti

Xufier tat-‘taxi’ immultat €300 wara li uża kliem razzist fil-konfront ta’ porter

Xufier tat-taxi, ta’ 43 sena miż-Żurrieq, kien immultat €300 mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera wara li nstab ħati li uża kliem razzist u wettaq abbuż fil-konfront ta’ porter li jaħdem f’lukanda f’San Ġiljan, hekk kif quddiem għadd ta’ mistednin tal-lukanda għajru “black African monkey“.

Il-każ seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2013 meta Joseph Camilleri kien barra l-lukanda Le Meridien, bil-vittma, Innocent Lokri, ġie nsulentat mill-Malti. Mill-provi rriżulta li Camilleri għajjar lil Lokri talli fetaħ il-bibien tat-taxi. Dan kollu seħħ wara argument żgħir bejn it-tnejn, fejn Camilleri bl-ebda mor ma ried lil Lokri jiftaħ il-bibien tat-taxi.

Madankollu, irriżulta li Lokri ppersista u Camilleri ma ħa pjaċir xejn. Għalhekk, għajjru u qallu biex imur lura f’pajjiżu. Fil-Qorti, il-vittma qal li ma rreaġixxiex biex ma jimbarazzax lill-klijenti, anke jekk l-insulti fil-konfront tiegħu komplew.

Tant ħassu vvitimizzat bl-insulti lejh, li l-vittma qabad jibki bil-Manager tal-lukandi jagħtih il-parir li jagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija. Min-naħa tiegħu, Camilleri qal li kellu diversi argumenti mal-porter għax skont hu ma kienx jagħtih ħin biżżejjed biex ikellem lill-klijenti tiegħu ħalli jirranġa vjaġġi bir-ritorn.

Filwaqt li ċaħad l-akkużi kollha miġjubin kontrieh, fil-Qorti Camilleri qal ukoll li minkejja li għal diversi drabi wissa lil Lokri biex ma jiftaħlux il-bibien, xorta baqa’ jisfidah bil-vittma anke għamillu sinjal bħallikieku irid jgħidlu li hu miġnun.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti nnutat li kien hemm rapport konflinġenti bejn it-tnejn, iżda li l-provi ta’ Lokri huma aktar kredibbli. Ingħad ukoll li minkejja li l-insulti ta’ Camilleri saru riżultat tal-azzjonijiet ta’ Lokri, l-abbuż razzjali qatt mhu ġustifikat.

Filwaqt li l-Qorti sabet lil Joseph Camilleri ħati ta’ abbuż razzjali u mmultatu €300, ma nstabx ħati li kiser il-paċi pubblika. L-Ispettur Trevor Micallef mexxa l-Prosekuzzjoni.